Ħa jkollna l-kuraġġ li ngħidu aħna wkoll lill-Mulej: “Jekk trid tista tfejjaqni!”

It-6 Ħadd matul is-Sena B

Levitiku 13:1-2.45-46; Salm 31; Kor 10:3-11; Mk 1:40-45

Aqra’: Resaq fuq Ġesu wieħed imġiddem bil-lebbra jitolbu bil-ħerqa, inxteħet għarkopptejh quddiemu u qallu: “Jekk trid, tista tfejjaqni!” Imqanqal mill-ħniena, Ġesu’ medd idu fuqu, messu u qallu: “Irrid, kun imnaddaf!”

Riflessjoni: Alla tagħna jersaq lejn min għandu l-ġdiem spiritwali…id-dnub, jersaq lejn min għandu ġdiem psikoloġiku… dwejjaq, solitudni, tensjoni biża’; jersaq ukoll lejn min għandu ġdiem fiżiku…kull għamla ta’ mard. Fuq dawn il-Mulej imidd idu, għaliex għalih l-ebda ħlejqa tiegħu mhi mġiddma, iktar u iktar uliedu l-bnedmin. Ġesu’ għażel lil dawk li huma mġiddma u mwarrbin minn kulħadd; għal din ir-raġuni “ħa fuqu il-mard kollu tagħna”. Biex jagħmel dan, kien meħud, msallab u maqtul barra mill-Belt il-Qaddisa, f’post meqjus mhux qaddis. Għalhekk jekk inħossuna  b’xi mod imġiddma, ħa jkollna l-kuraġġ li ngħidu aħna wkoll lill-Mulej: “Jekk trid tista tfejjaqni!”. U Ġesu’ lilna wkoll jgħidilna: “Irrid, kun imnaddaf!”.

Itlob: Mulej, inti taqra sal-ġewwieni tagħna. Beżgħat għandna, mard għandna, dnubiet għandna wkoll, qtigħ il-qalb insofru minnu wkoll. Jekk trid tista tfejjaqna! Ersaq lejna, O mimli bil-ħniena. Kellimna, missna u fejjaqna. Għamilna bħall-imġiddem imfejjaq, xandara tal-ħniena tiegħek.

Agħmel: Kif rajna Ġesu’ ma kienx iwarrab lill-imġiddmin: kien ifejjaqhom. Hekk ukoll jagħmel magħna. Iżda minnhom kien jitlob żewġ ħwejjeġ: Li jersqu lejh bil-fidi, u li jmorru juru ruħhom lill-qassis, bħal xhieda. Hekk jitlob minna ukoll. Ħa nersqu b’fidi fil-Mulej, lejn is-saċerdot fis-sagrament tal-Qrar, biex f’isem Ġesu’ jagħtina l-grazzja tal-fejqan, billi jwasslilna l-maħfra ta’ Alla.

 


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.