Matul ix-xahar ta’ Lulju, sitt żgħażagħ flimkien ma’ Fr Mario u Fr Terence ser jitilqu minn Malta lejn il-Kenja sabiex iwettqu esperjenza missjunarja mal-Patrijiet Agostinjani li jaħdmu hemmhekk. Din l-esperjenza ser tkun opportunità ta’ servizz, laqgħa u solidarjetà ma’ komunitajiet fil-bżonn.
Tul dawn l-aħħar xhur, il-grupp ħa sehem f’diversi attivitajiet ta’ formazzjoni u fundraising bi preparazzjoni għal din il-missjoni. Fost l-attivitajiet organizzati kien hemm bejgħ ta’ Mince Pies u Kwareżimal, magħmulin miż-żgħażagħ infushom bl-għajnuna ta’ membri oħra mill-gruppi taż-żgħażagħ tal-provinċja. Ġew organizzati wkoll hike flimkien mal-grupp li ser jagħmel l-esperjenza tal-Camino dan is-sajf, bejgħ ta’ Christmas Logs u Figolli, kif ukoll Pasta Night imħejjija mill-grupp Amigos. Attivitajiet oħrajn jinkludu bejgħ ta’ pjanti fil-Kulleġġ Santu Wistin flimkien mal-inizjattiva ta’ Platt Ross mal-istudenti.
L-aħħar fażi ta’ preparazzjoni ser tinkludi live-in għall-grupp fil-bidu ta’ Ġunju, u ftit wara Send-Off Mass li ser issir fit-28 ta’ Ġunju.
Nawguraw lil dawn iż-żgħażagħ kull ġid għal din l-esperjenza missjunarja u nitolbu sabiex il-Mulej imexxihom u jsaħħaħhom f’din l-għażla sabiħa ta’ servizz lejn il-foqra u dawk fil-bżonn.