Preparazzjoni għall-Camino de Santiago

Hekk kif il-mixja tagħna lejn Santiago qed toqrob, ħafna minna bdejna nippreparaw b’modi differenti; nippruvaw tagħmir ġdid, nagħmlu mixjiet ta’ kuljum, u nippreparaw ruħna wkoll għall-aspett spiritwali tal-vjaġġ. Fl-istess ħin, vjaġġ ta’ 10 ijiem ifisser ġranet twal flimkien, mumenti ta’ għejja, u drabi fejn mhux dejjem inkunu fl-aqwa tagħna. Biex nifhmu aħjar kif jista’ jkun dan kollu, qattajna jumejn flimkien bħala grupp fl-1 u t-2 ta’ Mejju.

Bdejna b’mixja ta’ 20km mill-Kappella tal-Madonna tal-Providenza fis-Siġġiewi. L-ewwel 30 minuta għamilnihom fis-skiet, biex ikollna spazju għar-riflessjoni. Ħassejtni tassew ferħana imdawra bin-natura, il-pjanti tal-fażola fil-għelieqi, il-fjuri tar-rebbiegħa, u ż-żoni mhux mittiefsa li fakkruni kemm għandi għalxiex inkun grat għall-ġmiel li għad fadal f’Malta. Ir-rotta tagħna għaddiet minn Ġebel Ċiantar, l-Irdumijiet tad-Dingli, il-Buskett, u lura lejn il-kappella, waqt li qsamna konversazzjonijiet, daħk, u anke mumenti aktar profondi tul il-mixja.

Wara, irrilassajna flimkien b’te, snacks, u attivitajiet li għenuna nsiru nafu lil xulxin aktar fil-fond. L-għada filgħodu, imxejna mill-Pietà sa Pembroke u tlajna sal-Top of the World f’Għargħur, fejn għamilna parti mill-Victoria Lines. Li bdejna l-ġurnata ftit għajjenin wriena kif se tkun il-mixja ta’ ġranet konsekuttivi. Minkejja t-tħassib tiegħi, il-vjaġġ ħassejtu eħfef milli kont nistenna, u issa aktar minn qatt qabel qed inħossni eċitata biex nitla’ fuq dak l-ajruplan.

Rebekah Caruana

Scroll to Top