Hi t-triq tiegħek u tiegħek biss. Oħrajn jistgħu jimxu miegħek, iżda ħaddieħor ma jistax jimxi għalik.
Din il-kwotazzajoni tirrifletti ħafna fuq il-pellegrini tal-Camino de Santiago. Dan is-sajf, grupp ta’ edukaturi mill-Kulleġġ Santu Wistin se jieħdu sehem fi vjaġġ spiritwali u avventuruż tal-famuż Camino de Santiago. Immexxi minn Fr. Terence Spiteri OSA, aħna attendejna għal live-in biex nibdew nippreparaw ruħna sew għal din l-esperjenza.
Matul tmiem il-ġimgħa li għadda, kellna l-opportunità li nesperjenzaw ġurnata tipika li ser inkunu qed ngħixu fil-Portugal/Spanja u kif ukoll li insiru nafu lil xulxin aħjar. Permezz ta’ mumenti qawwija u sessjonijiet profondi, nibtu ħbiberiji ġodda, u b’hekk issa aktar preparati għal vjaġġ pożittiv u sinifikanti quddiemna.
Wieħed mill-aktar aspetti li nħoss li ħalla impatt ta’ dan il-live-in kien li inatajna ċ-ċans li nirrilassaw mentalment u niċċarġjaw għall-isfidi li niffaċċjaw ta’ kuljum kemm personalment kif ukoll professjonalment. Il-mumenti li kellna bħala grupp għinuna nidħlu fil-fond tagħna nfusna, xi ħaġa li spiss ninsew nagħmlu fir-rutini impenjattivi tagħna. Din l-esperjenza tatna l-opportunità li nieqfu, nirriflettu, niffokaw u niffaċċjaw ħsibijiet li normalment nevitaw billi naljenaw ruħna b’affarijiet trivjali.
Il-live-in ipprovda spazju biex għal ftit mumenti nħassru l-ġenn li ngħixu mdawwrin bih u nikkonċentraw fuq dak li verament jagħmilna dak li aħna. Ippreparana sabiex bilmod il-mod nibdew niffaċċjaw in-negattività u nibdew nippjanaw modi kif intejbu ħajjitna u lilna nfusna.
Għalaqna dawn il-jumejn importanti b’quddiesa intima, mument ieħor sinifikanti li qsamna flimkien. Din il-quddiesa offrietilna opportunità oħra biex ningħaqdu fuq livell aktar profond bħala l-pellegrini Agostinjani l-ġodda tal-Camino. Issa qed inħarsu ‘l quddiem b’ħerqa għal dan il-vjaġġ imżewwaq b’dimensjoni spiritwali.
Daniela Buttigieg



