Bejn il-25 u d-29 ta’ Mejju, il-Pirjol Provinċjali, P. Leslie Gatt ħa sehem fil-laqgħa annwali tal-Organizzazzjoni tal-Agostinjani tal-Ewropa (OAE) li nżammet f’Gent fil-Belġju. Fil-laqgħa, is-superjuri Magguri taċ-Ċirkoskrizjonijiet Agostinjani tal-Ewropa jiltaqgħu biex jiddiskutu flimkien temi li jolqtu r-realtà tal-Ordni fl-Ewropa llum u l-possibilità ta’ aktar inizjattivi ta’ kollaborazzjoni. Fil-laqgħa ħa sehem ukoll l-Assistent Ġenerali P. Martin Davakan O.S.A. li huwa wieħed miż-żewġ Assistenti Ġenerali responsabbli miċ-ċirkoskrizzjonijiet tal-Ewropa.
Fil-laqgħa li ttellgħet f’dawn il-jiem kien hemm spazju fejn kull wieħed tkellem dwar ir-realtà u l-isfidi tal-pajjiż tiegħu, u mumenti informali fejn wieħed seta jsir jaf aktar lil xulxin. Fost it-temi diskussi kien hemm ir-realtà tal-preżenza ta’ diversi reliġjużi minn kontinenti oħra li llum jagħtu servizz fl-Ewropa, u l-ħtieġa ta’ aktar kollaborazzjoni f’oqsma partikolari bħalma hija l-formazzjoni tal-kandidati ġodda.
Il-Ħamis 28 ta’ Mejju saret anke elezzjoni tal-Uffiċjali tal-istess OAE għat-tliet snin li ġejjin. P. Gladson Dabre, superjur Provinċjali tal-Agostinjani fl-Ingilterra ġie elett bħala President, waqt li P. Leslie Gatt, Pirjol Provinċjali tal-Agostinjani f’Malta ġie elett bħala Viċi President. Fl-istess sessjoni ġew ikkonfermati anke l-erba’ membri tas-segretarjat li jaħdmu fil-koordinazzjoni tal-inizjattivi tal-Organizzazzjoni.
Nawguraw il-ħidma t-tajba u ħafna aktar kollaborazzjoni għall-ġid tal-preżenza tal-Ordni ta’ Santu Wistin fil-kontinent Ewropew.
