Jekk ikollok terġa’ tmur, tmur? Din kienet mistoqsija li minn mindu wasalt saqsewhieli diversi persuni bosta drabi. Ir-risposta tiegħi tkun pronta;“IVA!”.
Kont ilni nisma b’din il-mixja jew aħjar pellegrinagg għal ftit tas-snin mhux ħazin. Kont naf ħafna li għamluha minn diversi għaqdiet u dejjem kont imħajjar. Biss bejn li hija xi ħaġa relattivament stramba; għax ngħiduha kif inhi li timxi dak it-tul kollu (madwar 120Km f’6 ijiem) bl-affarijiet li jkollok bżonn fuq dahrek mihiex in-norma. Li esperjenza bħal din għall-ewwel darba tagħmilha waħdek tkun diffiċli u xtaqt insib grupp li nkun nista’ nagħmila magħhom.
B’xorti tajba waslitli l-kelma li kien hemm grupp taż-żgħażagħ li ser jitilgħu sabiex jagħmlu din il-mixja. Ovvjament la ġietni l-opportunità li naqta’ xewqti u ningassa ħaġa oħra mill- “bucket list”; dħalt għaliha. Għall-bidu kienet xhur ‘il bogħod u għalkemm kont ħerqan ma kontx nhewden u ninkwieta fuq l-ostaklu li kien hemm quddiemi. Iżda kif appena qorbu l-ġimgħat bħal donni ħassejtni ma kontx lest u kont ftit beżgħan; bdejt ninduna kemm forsi ma ppreparajtx biżżejjed għalkemm kelna mixjiet, laqgħat u anke live-ins biex inkunu iktar komdi mal-idea tal-Camino u flimkien bħala grupp.
Biss fl-aħħar mill-aħħar tipprattika kemm tipprattika qat m’inti ħa dduq l-istess toma tal-benna tal-Camino. Kienet xi ħaġa surreali li tqum filgħodu u taf li ser tgħaddi minn qalb il-kampanja, foresta, villaġġi u għelieqi. Tiltaqa’ ma’ kull xorta ta’ ħdura u natura. Veduti mill-isbaħ. Stħajjiltni qed ngħix f’ktejjeb tal-istejjer tat-tfal. Apparti dik il-frazi “Buen Camino”, li inti u miexi nies li qatt ma tkun iltqajt magħhom jispiċċaw jagħtuk dan l-awgurju.
F’xenarju mill-isbaħ konna nispiċċaw niltaqgħu ma’ diversi nies, pellegrini oħra, li kienu mexjin magħna u mal-ħin bdejna inrabbu din il-ħbiberija ma’ xulxin. Nies ġejjin minn kull rokna tad-dinja, kulħadd bl-għan u bl-esperjenza personali tiegħu.
L-iskopijiet għaliex ikunu qegħdin jagħmlu din il-mixja jkunu ħafna, hawn min ikun bħali, forsi jidħol għal-esperjenza bħal din għall-kurzità, u min forsi biex tkun challenge personali fl-aspett fiżiku. Biss pero naħseb il-Camino kapaċi jissorprendik b’mod li ma tkunx qed tistenna. Għalkemm kienet il-kurzità u l-leblieba sabiex nesperjenza xi ħaġa differenti li għenitni ngħid iva għal-mixja, ma kontx qed nistenna affarijiet oħra.
Il-Camino tista’ tqisu bħala metafora kbira tal-ħajja. Tlajja u inzul. Wita, art lixxa u oħra imħarbta. Foresti u anke “highways”, xemx jew xita. Matul it-triq tibda tagħti kas dak li qabel forsi anqas biss kien jagħddilek minn moħħok. Tkun inti u s-silenzju, inti u l-ħsibijiet tiegħek. Il-post jgħinek tirrifletti u tagħmel eżami tal-kuxejnza u tkompli tiskopri dak li Alla jrid minnek.
Kienet kaxxa ta’ Pandora li infetħet matul il-mixja. Ħallejt lili innifsi nintilef fl-esperjenza tal-Camino, kemm mill-aspett fiziku imma anke dak spiritwali u mentali. Tibqa’ f’moħħi ix-xena ta’ meta wara dawk il-jiem kollha mixi wasalna f’dik il-pjazza quddiem il-Katidral ta’ San Ġakbu, emozzjoni indiskrivibbli li tħallik bla kliem. Ferħ għax tkun wasalt, fejn it-triq ma kienetx faċli għax qtiegħ il-qalb sibna ukoll, biss fl-istess ħin dwejjaq li l-esperjenza tkun laħqet il-qofol tagħha. Fl-aħħar mill-aħħar gratitudni kbira li kont wieħed mill-invidiwi li esperjenzajt il-Camino de Santiago.
L-istedina tiegħi tmur għal dawk kollha li anke jekk forsi għal-kurzità, jidħlu għaliha, zgur mhux forsi li tħalli impatt fuq l-ġewwieni tagħhom. Fl-aħħar nirringrazzja b’mod speċjali lil Fr Terence Spiteri osa u l-Augustinian Youths tal-opportunità, b’esperjenza indimentikabli. Jekk tkunu tixtiequ iktar informazzjoni fuq l-esperjenza tal-Camino għas-sajf 2024 u attivitajiet oħrajn tistgħu tidħlu fuq facebook/instagram Augustinian Youths jew email: youths@agostinjani.org
Ryan D’Amato