Il-Vjaġġ Spiritwali Tiegħi lejn Santiago de Compostela

Il-Camino de Santiago huwa tradizzjoni antika ta’ pellegrinaġġ Kattoliku li tmur lura għas-seklu 9 wara Kristu. Matul is-sekli, il-popolarità tiegħu baqgħet qawwija, u eluf ta’ nies għadhom sal-lum jagħmlu dan il-pellegrinaġġ. Għal ħafna, il-Camino joffri opportunità biex għal ftit jitbiegħdu mill-esiġenzi tal-ħajja tal-lum u jfittxu l-paċi interjuri, mumenti ta’ riflessjoni spiritwali u rabta aktar profonda magħhom infushom u ma’ Alla.

Għal ftit jiem, il-pellegrini jgħixu ħajja aktar sempliċi, jagħtu importanza lil dak li hu essenzjali u jwarrbu dak kollu li mhuwiex daqshekk importanti. Anke xi ħaġa ordinarja bħall-mixi tieħu tifsira ġdida. Il-mixi huwa xi ħaġa li nagħmlu kuljum mingħajr ma naħsbu wisq dwarha, iżda tul il-Camino nibdew insiru aktar konxji minn kull pass u napprezzaw xi ħaġa li ħafna drabi neħduha bħala ovvja.

F’ħafna modi, il-vjaġġ tiegħi tul il-Camino ħassejtu bħala metafora tal-ħajja. Il-pellegrinaġġ poġġa quddiemna diversi ostakli: is-sħana, it-telgħat weqfin, it-tul tal-mixja, it-toqol tal-backpack u l-għejja li bil-mod il-mod bdiet tinġema’. Madankollu, ma’ dawn id-diffikultajiet kien hemm ukoll esperjenzi ta’ ferħ: ix-xenarju sabiħ tal-kampanja, il-konversazzjonijiet u d-daħk mal-bqija tal-grupp, il-mumenti ta’ mistrieħ li tant konna nkunu neħtieġu, u s-sens ta’ sodisfazzjon wara li konna nlestu kull tappa.

Il-Camino fakkarni li l-ħajja wkoll hija mimlija ostakli li jistgħu jnaqqsulna l-pass jew saħansitra jġegħluna nħossu li ma nistgħux nibqgħu sejrin. Madankollu, huwa importanti li nibqgħu mexjin ’il quddiem, anke meta l-vjaġġ isir diffiċli. Irridu nipperseveraw minkejja l-uġigħ u l-għejja, filwaqt li niftakru fil-mumenti sbieħ u fir-raġunijiet għaliex bdejna dan il-vjaġġ.

Wara jiem ta’ mixi, tbatija u sforz biex nibqgħu għaddejjin minkejja l-uġigħ, fl-aħħar wasalna fil-belt ta’ Santiago de Compostela, fejn kien qed jistenniena l-Katidral Romanesk. Hekk kif dħalna fil-katidral, laqgħuna l-figura ta’ San Ġakbu u l-iskulturi tal-anġli. Ir-riħa ħelwa tal-inċens imliet il-katidral waqt li l-Botafumeiro enormi beda jitbandal fuqna, u l-ħoss trijonfanti tal-orgni mela l-post kollu. Madwarna kien hemm ukoll għadd kbir ta’ pellegrini oħra li, bħalna, kienu temmew l-istess vjaġġ.

Waħda mill-aktar lezzjonijiet importanti li ġibt lura miegħi minn din l-esperjenza hija l-għarfien li Alla huwa preżenti tul il-vjaġġi tagħna. Kif jikteb Isaija:

“Jistgħu jitħarrku l-muntanji,
u jitheżhżu l-għoljiet,
imma mħabbti minn miegħek ma titħarrikx,
u s-sliem tal-patt tiegħi ma jitheżżiżx,”
jgħid il-Mulej li jħenn għalik.

— Isaija 54:10

Alla huwa preżenti tul il-vjaġġ tal-Camino de Santiago, iżda Huwa preżenti wkoll tul il-vjaġġ kontinwu tagħna fil-ħajja. Huwa preżenti fil-mumenti ta’ ferħ, iżda wkoll fil-mumenti ta’ niket. Huwa preżenti meta nimxu lejH, iżda jibqa’ preżenti anke meta nitbiegħdu minnu.

Il-Camino ġegħelni nirrifletti wkoll fuq kif, sa minn żmien il-Medju Evu, nies minn ambjenti differenti ħafna minn xulxin għaddew minn din it-triq fit-tfittxija ta’ esperjenza spiritwali. Il-pellegrini jiġu minn kulturi differenti u għandhom twemmin differenti, minn persuni b’fidi reliġjuża profonda sa oħrajn li ma jqisux lilhom infushom reliġjużi. Madankollu, ilkoll jimxu mill-istess toroq, jaffaċċjaw ħafna mill-istess diffikultajiet u, fl-aħħar mill-aħħar, jaqsmu l-istess esperjenza ta’ tfittxija, skoperta u riflessjoni.

Għalija, għalhekk, il-Camino de Santiago kien ħafna aktar minn sempliċi vjaġġ fiżiku. Sar vjaġġ spiritwali u tfakkira li l-ħajja nnifisha hija pellegrinaġġ. Se jkun hemm mumenti ta’ diffikultà, għeja u inċertezza, iżda se jkun hemm ukoll mumenti ta’ ġmiel, ħbiberija, ferħ u sodisfazzjon. U fuq kollox, f’kull pass tal-vjaġġ, Alla jkun hemm..

Benjamin Caruana

Scroll to Top