Il-lajċi jitolbu għall-vokazzjonijiet Agostinjani

It-13 ta’ Novembru, jum it-twelid ta’ Santu Wistin u festa tal-qaddisin kollha agostinjani, huwa jum li fih kulħadd huwa mħeġġeġ biex jitlob għall-bżonnijiet tal-vokazzjonijiet agostinjani. Għal dan il-għan il-Kummissjoni Provinċjali tal-lajċi agostinjani, nhar il-Ħamis, 12 ta Novembru, organizzat laqgħa ta’ talb għal-lajċi minn diversi lokalitajiet u realtajiet fejn hemm preżenzi agostinjani.

Din saret fil-Kappella Santa Rita, San Ġiljan. Fil-bidu ta’ din il-laqgħa, Fr. Terence Spiteri, promotur tal-vokazzjonijiet agostinjani, tkellem  dwar il-ħidma maż-żgħażagħ li qed issir u l-ħidma vokazzjonali. Fr Terence ħeġġeġ lil dawk preżenti biex isostnu din il-ħidma bit-talb tagħhom. Wara ġie espost l-Ewkaristija u nqraw diversi siltiet mill-Kelma t Alla u anke mill-kitbiet ta Santu Wistin.

Wara kull silta saru riflessjonijiet u talb. Il-vokazzjonijiet huma don ta’ Alla, imma huma wkoll responsabbiltà tagħna lkoll. Inkomplu nitolbu, nagħtu xhieda u noħolqu ambjent fejn iż-żgħażagħ jistgħu jisimgħu s-sejħa tal-Mulej. L-adorazzjoni spiċċat bil-Barka Sagramentali. Il-lajċi wara ġew mistiedna jidħlu fil-kunvent biex jieħdu xi ħaġa u jiltaqgħu flimkien u b’hekk issaħħu l-ħbiberija ta’ bejniethom fi spirtu Agostinjan.

Scroll to Top