Bejn it-13 u s-17 ta’ April, il-patrijiet Agostinjani Maltin inġabru għat-tieni parti tal-Kapitlu Provinċjali Ordinarju fid-The Santa Rita Priory, San Ġiljan. Is-sessjoni kienet preseduta mill-Vigarju Ġenerali, Fr Alexander Lam Alania O.S.A. L-ewwel parti tal-Kapitlu kienet ġiet iċċelebrata, bejn is-17 u t-18 ta’ Marzu.
It-tieni parti tal-Kapitlu fetħet b’ċelebrazzjoni Ewkaristika b’sufraġju għall-erwieħ tal-patrijiet li mietu matul l-aħħar erba’ snin. Imbagħad, il-Pirjol Provinċjali ppreżenta Programm Viżjoni għas-snin li ġejjin. Id-dokument iffoka fuq tliet temi ewlenin: il-Komunjoni, identifikata bħala l-proġett prinċipali; il-Missjoni, miġburta f’ħames prijoritajiet pastorali; u l-Futur, iffukat fuq ippjanar għall-quddiem u l-iżvilupp ta’ strutturi sostenibbli. Wara diskussjoni estensiva kemm fi gruppi ta’ ħidma, kif ukoll fl-assemblea plenarja, id-dokument ġie approvat unanimament.
Matul il-Kapitlu, l-Assemblea Kapitulari ħarġet stqarrija li fiha affermat il-ħtieġa tal-paċi u esprimiet solidarjetà sħiħa mal-Papa Ljun XIV, filwaqt li kkonfermat l-appoġġa tagħha għall-messaġġ konsistenti tiegħu għall-paċi. Id-diskussjonijiet komplew fis-sessjonijiet l-oħra,u ġew indirizzati diversi temi u proposti relatati mal-ħajja u l-missjoni tal-Provinċja.
Il-Kapitlu ntemm nhar il-Ġimgħa, 17 ta’ April, bil-qari formali u l-approvazzjoni tal-Atti fis-Sala Santu Wistin fil-Belt Valletta. Wara, ġiet iċċelebrata quddiesa tal-għeluq mill-Vigarju Ġenerali fil-Knisja Parrokkjali ta’ Santu Wistin. Numru kbir ta’ kollaboraturi lajċi minn madwar il-Provinċja ngħaqdu mal-patrijiet għal din iċ-ċelebrazzjoni, li ġiet segwita minn riċeviment fil-kunvent.