Bħala parti mill-preparazzjoni għall-Milied fi żmien l-Avvent, l-istudenti kollha tal-Kulleġġ mill-Primarja u mis-Sekondarja, taw kontribuzzjoni għall-proġett tal-Millennium Chapel immexxi mill-Familja Agostinjana f’forma ta’ ikel. L-inizjattiva tnehdiet mic-Chapliancy teams. L-istudenti tal-Primarja u s-Sekondarja kienu mistiedna jġibu ikel biex jitqassam mil-Millennium Chapel lil familji fil-bżonn. Permezz ta’ din l-attivita’ huma saru iktar konxji li f’dan iż-żmien tal-Milied, mhux kulħadd għandu dak kollu li jixtieq, imma hemm tfal tamparahom illi għandhom nuqqasijiet bażiċi minħabba ċ-ċirkostanzi soċjali li jgħixu fihom u ħafna iktar familji qegħdin ibatu minħabba l-pandemija.

Grazzi lill-istudenti, edukaturi u familji tagħhom li taw il-kontribut sabiħ tagħhom.

  



Fit-13 ta’ Novembru, il-Festa tal-qaddisin kollha tal-Familja Agostinjana u Jum it-twelid ta’ Santu Wistin, l-Ordni Agostinjan jiċċelebra Jum il-Vokazzjonijiet. Huwa jum li fih niċċelebraw tant reliġjużi li għexu qabilna s-sejħa għall-Ħajja Reliġjuża u għamlu minnha mixja ta’ mpenn nisrani li jwassal għall-qdusija.

Huwa propju f’dan l-isfond li rappreżentanti tal-Patrijiet Agostinjani, u tas-Sorijiet Agostinjani Servi ta’ Ġesu u Marija, inġabru flimkien mas-sorijiet Agostinjani ta’ ħajja kontemplattiva u ċċelebraw quddiesa fil-Kappella tal-Monasteru fil-belt Valletta. Minħabba ċ-ċirkostanzi tal-pandemija preżenti , r-reliġjużi l-oħra flimkien ma’ lajċi ħbieb tal-familja agostinjana setgħu jingħaqdu f’dan il-mument permezz tal-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali. 

Biex jitfakkar dan il-jum, ġew organizzati anke inizjattivi fiż-żewġ campuses tal-Kulleġġ Santu Wistin. Il-Grupp Żgħażagħ Agostinjani imbagħad inġabru għal mument ta’ talb fl-ispazju l-ġdid taż-żgħażagħ li qed jiġi inawgurat fil-kunvent tal-Pietà.

It-talba waħda li ressaqna lejn il-Mulej kienet l-ewwel u qabel kollox għar-reliġjużi kollha ħajjin sabiex il-Mulej jagħmilhom dejjem reliġjużi skond il-qalb tiegħu. Imbagħad tlabna għaż-żgħażagħ li qed ifittxu fil-ħajja sabiex il-Mulej ikompli jbierek il-familja tagħna Agostinjana b’aktar vokazzjonijiet.

Tista' ssegwi din il-quddiesa flimkien ma' mument ta' talb għall-vokazzjonijiet minn hawn taħt:

 

 


Fis-6 ta’ Novembru, il-Familja Agostinjana tiċċelebra t-tifkira tar-reliġjużi Agostinjani li għexu qabilna u li llum jistrieħu mal-Mulej.

Bi preparazzjoni għal din it-tifkira, il-Ħamis 5 ta’ Novembru fl-10am, il-provinċjal flimkien ma' diversi aħwa iċċelebra quddiesa fil-Kappella taċ-ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata li fiha fakkar l-aħwa mejtin. Fir-riflessjoni tiegħu huwa tkellem fuq: it-tifkiriet sbieħ li dawn l-aħwa kollha ħallewlna; is-sens ta’ gratitudni li għandu jitqanqal fina quddiem dak li għexu u wettqu dawk li ġew qabilna; u fuq kollox il-ħarsa ta’ fidi u tama li għanda timla l-qalb tagħna bħala nsara li għadna qed ngħixu il-mixja tal-ħajja fuq din l-art. Wara l-quddiesa l-Provinċjal għamel talba fuq l-oqbra tal-provinċja.

Illum il-Provinċjal ser jagħamel żjara fuq l-oqbra tal-aħwa fiċ-ċimiterju ta’ Għawdex.

Bejn Novembru tas-sena l-oħra u din is-sena l-Provinċja tilfet żewġ aħwa: P. Rikkardu Attard u l-emminenza tiegħu Il-Kardinal Prospero Grech. Għalkemm f’dimensjonijiet differenti, t-tnejn li huma qattgħu il-parti l-kbira ta’ ħajjithom fis-servizz lill-Knisja lilhinn minn xtutna.

 

 


Matul dawn ix-xhur, il-Provinċja Agostinjana Maltija flimkien mal-grupp ta’ żgħażagħ Augustinian Youths ħadmu bla waqfien fuq ċentru ġdid, taħt l-isem ta’ Augustinian Youth Space, bil-għan li nsaħħu l-ħidma li l-Provinċja Agostinjana Maltija qegħda tagħmel fil-pastorali taż-żgħażagħ.

F’dan iċ-ċentru sar xogħol estensiv li jinkludi rinovazzjoni tal-faċilitajiet kollha, kappella ġdida għat-talb, spazju rikreattiv, installazzjoni ta’ sistema tad-dawl u elettriku, tindif u rinovar tal-post kollu. B’hekk, dan iċ-ċentru jinsab lest u attrezzat b’faċilitajiet differenti sabiex jilqa’ fih diversi gruppi ta’ etajiet differenti u jkun spazju li fih iż-żgħażagħ ikunu jistgħu ikomplu jiskopru lilhom infushom u lil Alla. Fil-preżent jiltaqgħu bosta gruppi, fosthom il-grupp ta’ żgħażagħ Augustinian Youths, il-grupp ta’ adoloxxenti Tagaste Youths, kif ukoll diversi gruppi mill-Kulleġġ Santu Wistin, li wkoll jagħmlu użu reġolari minn dil-faċilità.

Dan ix-xogħol sar bil-għajnuna tal-Millennium Chapel Foundation u l-provinċja Agostinjana Maltija, kif ukoll grazzi għall-ħidma kontinwa tal-Patrijiet Agostinjani fil-komunità tal-Pietà, kif ukoll dik ta’ diversi membri taż-żgħażagħ Agostinjani. L-għan ta’ dan il-grupp Augustinian Youths hu li niġbru flimkien żgħażagħ minn setturi differenti tal-ħajja permezz tax-xewqa li niskopru iktar lilna nfusna, li ngħixu bħala parti minn komunità ta’ żgħażagħ oħra, u li nimxu fuq il-passi tal-Mulej Ġesù, fl-ispirtu tat-tagħlim ta’ Santu Wistin, missierna. B’hekk, permezz ta’ dan iċ-ċentru, bdew isiru diversi attivitajiet, fosthom diskussjonijiet fuq temi soċjali, reliġjużi u spiritwali, laqgħat ta’ formazzjoni, mumenti ta’ talb u diversi attivitajiet soċjali u rikreattivi.

Kull min jixtieq jingħaqad magħna jew iktar informazzjoni fuq l-Augustinian Youth Centre, jista’ jikkuntattja lil Fr. Terence Spiteri OSA, fuq This email address is being protected from spambots. You need JavaScript enabled to view it. jew facebook page Augustinian Youths

 


Nhar il-Ħadd, 1 ta’ Novembru fil-Knisja ta’ San Martin fil-Baħrija ġiet inawgurata statwa ġdida ta’ Sidtna Marija Omma Alla. L-istatwa, kienet imbierka mir-Rettur Fr Raymond Francalanza O.S.A fil-quddiesa tad-9am.  Ix-xogħol huwa tal-artist żagħżugħ Chris Ebejer u filfatt hija l-mudell tal-istatwa artistika li tinsab fid-daħla tal-Isptar Mater Dei.

L-Agostinjani, partikolarment il-Komunita tar-Rabat, ilhom iservu fil-Knisja ta’ San Martin fil-Baħrija għal kważi sitt snin.


© 2021 agostinjani.org. All Rights Reserved.