Il-ġimgħat li għaddew ġabu magħhom diversi festi fil-kalendarju Liturġiku Agostinjan. Ewlenin fosthom huma l-festi ta’ Santu Wistin u tal-Madonna taċ-Ċintura li kienu ċċelebrati b’mod solenni partikolarment fil-Knejjes Agostinjani tal-Belt Valletta u tar-Rabat f’Malta, u tal-Belt Victoria f’Għawdex. Għal dawn il-festi tħejja programm ta’ ċelebrazzjonijiet liturġiċi li permezz tagħhom raddejna ħajr lil Alla għal dak kollu li għamel magħna permezz ta’ Ommu Marija u ta’ Santu Wistin missierna.

Il-festi fil-Belt Valletta laħqu l-qofol tagħhom permezz tal-Festa Titulari tal-Parroċċa li ġiet iċċelebrata fit-3 ta’ Settembru bil-purċissjoni bl-istatwa ta’ Santu Wistin fit-toroq tal-Belt. Il-Festa tal-Madonna taċ-Ċintura fil-Belt kienet iċċelebrata s-Sibt 26 ta’ Awwissu, waqt li fir-Rabat imbagħad kienet iċċelebrata s-Sibt 9 ta’ Settembru. Fil-Knisja ta’ Santu Wistin f’Għawdex iż-żewġ festi kienu ċċelebrati fil-ġranet liturġiċi tagħhom jiġifieri nhar it-28 ta’ Awwissu u l-4 ta’ Settembru. Barra l-jiem tal-festa saru anke jiem ta’ preparazzjoni b’diversi ċelebrazzjonijiet li offrew riflessjonijiet fuq il-figuri ta’ Santu Wistin u d-devozzjoni tal-Madonna taħt it-titlu tal-konsolazzjoni li hija l-padruna tal-familja Agostinjana.

Fis-27 ta’ Awwissu flimkien mal-Knisja universali ċċelebrajna anke l-festa ta’ Santa Monika, omm Santu Wistin, waqt li fl-10 ta’ Settembru imbagħad, il-Kalendarju liturġiku Agostinjan ippreżentalna l-figura ta’ San Nikola minn Tolentino li huwa l-ewwel reliġjuż Agostinjan li kien iddikjarat qaddis. Il-festa tiegħu fil-Knisja ddedikata lilu f’Ħal-Tarxien ser tiġi ċċelebrata s-Sibt 30 ta’ Settembru.

Sadanittant matul ix-xahar ta’ Settembru, diversi Parroċċi madwar Malta iċċelebraw il-festa tal-Madonna taċ-Ċintura bl-aħħar waħda tkun imbagħad dik tal-Gudja li tiġi ċċelebrata fl-aħħar Ħadd ta’ Ottubru.



Il-Ħadd 10 ta’ Settembru l-Komunità Kattolika Vjetnamiża f’Malta ċċelebraw l-ewwel quddiesa tagħhom fil-Knisja tal-Madonna tal-Bon Kunsill, Paceville. Dan kien pass enormi għall-komunità żgħira Vjetnamiża li għadha kif ġiet stabbilita. Nittamaw li, fil-futur, din il-komunità tkun post fejn il-familji u ż-żgħażagħ Kattoliċi Vjetnamiżi kollha li jgħixu u jistudjaw Malta jiltaqgħu u jappoġġjaw lil xulxin biex jgħixu l-fidi u l-ħajja ta’ kuljum bħala wlied Alla ‘l bogħod mill-familji u l-pajjiż tagħhom.

Nixtiequ nirringrazzjaw mill-qalb lill-Komunità Agostinjana f’Paceville talli fetħet idejha b'mod ġeneruż u laqgħetna b’idha miftuħa.


Nhar il-Ħadd 20 t'Awwissu, l-Eċċellenza Tiegħu L-Arċisqof Charles Scicluna żar għal-ewwel darba u qaddes quddiesa fil-knisja tal-Madonna tal-Bon Kunsill f'Paceville, fl-okkażjoni tal-50 sena meta l-bini tal-Knisja tlesta. F'dik l-istess ġurnata, jiġifieri fit-18 ta' Awwissu 1973, l-Knisja l-ġdida ġiet imbierka mill-Assistent Ġenerali Agostinjan, li dak iż-żmien kien P. Egidio Galea OSA.Wara l-quddiesa sar riċeviment żgħir fil-kunvent, fejn l-Arċisqof iltaqa' mar-residenti li jiffrekwentaw din il-knisja.

Ritratti: Archdiocese of Malta


Fit-28 ta’ Awwissu l-Knisja tiċċelebra l-Festa ta’ Santu Wistin Missierna.  Kull festa tistedinna nirriflettu mill-ġdid fuq din il-figura li ispirat b’mod partikolari lilna r-Reliġjużi fil-mixja tagħna wara Ġesu, u nixtiequha tkompli tispira anke lil dawk kollha li b’mod jew ieħor jixtiequ jixorbu minn dak l-għerf qaddis li bih il-Mulej għoġbu jżejjen lil Santu Wistin u jagħmel minnu don għall-Knisja.

Santu Wistin ħolom li jaqsam il-ħajja tiegħu mal-ħbieb, jew mal-‘aħwa’, u flimkien ikomplu jfittxu lil Alla. Is-sejħa tiegħu għas-servizz pastorali kienet sejħa li ġiet aktar tard u l-istess Wistin laqagħha waqt li adatta l-istil ta’ ħajja mal-aħwa li ġa kien qiegħed jgħix. Fir-regola li tagħti dawl lil ħajja tagħna, il-motivazzjoni ċentrali li Santu Wistin ippropona għal dawk li xtaqu jgħixu fuq il-passi tiegħu hija ċara: “l-għan ewlieni li għalih intom inġbartu flimkien hu li tgħixu għalenija fid-dar, qalb waħda u ruħ waħda f’Alla”. Allura il-veru serħan tal-qalb f’Ġesu ma jiġix l-aktar minn dak li nwettqu daqskemm mis-sejħa nfisha ta’ ħajja nisranija u t-tfixxtija kontinwa ta’ Alla mgħixa b’impenn ġenwin.

Nixtieq ġenwinament inkompli nitlob l-interċessjoni ta’ Santu Wistin biex il-Mulej inissel fil-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna x-xewqa li nibqgħu infittxu dejjem il-milja ta’ dak li aħna l-ewwel u qabel kollox bħala mgħammdin, imma anke fl-għażliet kollha li għamilna u li nagħmlu fil-ħajja. Dan jgħinna nkunu aktar liberi bħala persuni għax internament nintrabtu anqas ma dak li jġib il-gratitudni immedjata tal-oħrajn, u jiftaħna aktar għal dak li jixtieq minna Alla u x-xhieda li tixtieq minna l-Knisja bħala nsara impenjati.

Qed ngħixu anke f’soċjeta li qed issir dejjem aktar sensittiva għas-saħħa mentali u l-ħtieġa ta’ aktar sostenn għal xulxin f’kull qasam tal-ħajja. Din hija anke riflessjoni importanti ħafna li għandna nagħmlu biex l-ewwel nagħrfu r-realta u l-limitazzjonijiet tagħna u imbagħad nitħeġġu aktar biex insibu u nagħtu sostenn adegwat lil xulxin. Santu Wistin ma ddejjaqx jitkellem fuq il-limitazzjonijiet tiegħu bħalma nsibu fl-Istqarrijiet, u fuq kollox fittex is-sostenn fil-ħbiberija u f’dawk li għażel li jkun qrib tagħhom. Magħhom qasam it-tfittxija, id-dubji, imma fuq kollox qasam is-sejba sabiħa tal-esperjenza ta’ Ġesu f’ħajtu.

Ejjew verament nissapportjaw lil xulxin u ngħinu lil xulxin biex nersqu lejn dak li jagħtina l-veru paċi tal-qalb u serenità. Huwa biss b’din l-attitudni li nistgħu niġġeddu fil-mixja kontienwa li jipproponielna Santu Wistin meta jgħidina li l-ewwel għan tagħna huwa li nfittxu li ngħixu għalenija u nfittxu lil Alla flimkien, u meta jfakkarna li qalbna ma ssib qatt kwiet jekk mhux fiH. Dan huwa l-akbar sostenn li n-nisrani jista’ jsib f’ħajtu.

 

Fr. Leslie Gatt osa

Pirjol Provinċjali


L-esperjenza tagħna bdiet 9 xhur qabel ma tlajna lejn il-pajjiż sabiħ tal-Kenja. F’Malta, ippjanajna diversi attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi biex niġbru flus għall-missjonijiet Agostinjani ta’ Amigos fl-Afrika. Kellna għadd ta’ laqgħat u live-in matul dan iż-żmien bi tħejjija għall-missjoni tagħna flimkien.

Malajr wasal iż-żmien li ntiru xi 2,900 mil lejn il-Kenja. Ladarba wasalna, kien impossibbli li ma tħobbx il-Kenja. In-natura kienet mill-isbaħ. Barra minn hekk, il-Kenjani kienu edukati ħafna, akkoljenti u ospitabbli mmens. Il-fidi tagħhom kienet ukoll mill-aqwa. Tassew kienu jafu  jiċċelebraw quddiesa! Il-kant u ż-żfin kollu kien tant tar-ruħ li dejjem tohrog bi tbissima fuq wiċċek.

Il-missjonijiet ewlenin tagħna f’Kisumu, Ishiara u Mbwiru kienu li nibnu djar għall-familji fil-bżonn. Familja waħda minn dawn kellha bżonn dar ġdida ghax id-dar preċedenti tagħhom kienet qed tiġġarraf minħabba l-għargħar. L-għargħar kultant kien tant ħażin li kellhom jorqdu fuq siġra!

Familja oħra kienet tikkonsisti f’omm u 3 itfal kollha jorqdu flimkien f’dar żgħira ħafna tal-landa. Il-missier miet milux u peress li t-tfal qed jikbru, kellhom bżonn spazju akbar fejn jgħixu. Qalbna kienet mimlija sodisfazzjon u imħabba li naraw dawn id-djar jiehdu l-forma. Il-familji rreċiprokaw bi gratitudni bla limitu.Meta ma konniex qed nibnu d-djar, konna qed nagħtu l-ikel lil uħud mill-ifqar tal-post u nżuru tfal tal-iskola. Fl-iskejjel ġejna milqugħa bl-aktar modi sabiħ li tista’ timmaġina, kienu jkantawlna u jiżfnulna. Uħud mit-tfal anke raw nies bojod għall-ewwel darba f’hajjithom!

Kollox ma’ kollox kienet esperjenza indimentikabbli u ha ngorru dejjem maghna l-gratitudni lejn dawk ta’ madwarna u għal dak kollu li ġejna mbierkin bih f’ħajjitna.

Mariana Grima


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.