Erġajna wasalna għaċ-ċelebrazzjoni ta’ Milied ieħor bit-taħbit kollu li jġib miegħu u b’dak kollu li għexna u akkumulajna matul sena oħra ta’ ħajja. Dan kollu jagħmel dan il-Milied differenti minn ta’ qablu waqt li l-iskop ewlieni taċ-ċelebrazzjoni jibqa’ l-istess. Fiċ-ċentru hemm it-twelid tat-tarbija Ġesù: Il-Mulej li fi kliem Santu Wistin Missierna, ried jieħu sura ta’ bniedem biex aħna nistgħu nitwieldu fih. Anzi aktar minn hekk, tana l-possibilità li nieħdu l-għajnuna f’waqtha minn dan it-tieni twelid tiegħu, waqt li nimxu fuq il-passi tiegħu. (cf. S. Wistin, Priedki 371,2) Din hi allura provokazzjoni li taslilna waqt li niċċelebraw il-Milied, u minn naħa l-oħra nħarsu madwarna u naraw il-kuntrast li joħolqu l-gwerer u t-toqol tal-ħajja ta’ madwarna.

Imma l-istess kuntrast joħolquh anke l-‘gwerer’ interni tagħna; il-problemi li nsibu ruħna fihom fil-ħajja, it-toqol li kultant inġorru u li xi drabi noħolqu bl-attitudnijiet tagħna, in-nuqqas ta’ attenzjoni u apprezzament tal-oħrajn meta naħseb li kollox għandu jdur miegħi u ma’ dak li naħseb jien. L-istedina tat-tarbija Ġesu hija bla dubju ta’ xejn biex tagħraf id-dgħufija tiegħek, u tintefa’ quddiem il-Mulej, it-tabib tiegħek. Meta nagħmlu hekk  bl-umiltà tiegħu hu jerfgħana miegħu. X’misteru kbir allura qed niċċelebraw u xi gwadann kbir għandna jekk verament inħallu dan iċ-ċelebrazzjoni tibdilna. Il-kobor ta’ dan kollu bla dubju ta’ xejn mhux għax hu jeħtieġlu jintrefa fin-natura tiegħu bħala Verb, imma pjuttost għax tagħmillu spazju akbar fil-qalb tiegħek. (cf. S. Wistin, Priedki 117,10)

Ejjew mela nistaqsu ġenwinament dan l-ispazju akbar fil-qalb tagħna x’għandu jkun? Qalb mimlija b’ħafna affarijiet tirriskja li ma jibqalhiex spazju biżżejjed għal Ġesu. Ejjew verament naraw kif nistgħu inħaffu l-ħajja tagħna u dik ta’ dawk ta’ madwarna biex nilqgħu aħjar lil Ġesù, u aktar minn hekk, inħalluh jibdel lilna u d-dinja li ngħixu fiha.  Qalb mimlija b’Ġesù żgur li tkun qalb li xxerred il-paċi u l-ferħ. Dan hu l-veru sens tal-Milied li għal darb’oħra ser niċċelebraw.  

Minn qalbi nawgura lilkom u lill-familji tagħkom Milied qaddis mimli bil-ferħ ta’ Ġesù li twieled għalina!

P. Leslie Gatt osa

Pirjol Provinċjali



Sena Akkademika 2024

(Jannar – Ġunju 2024)

 L-Istqarrijiet ta’ S. Wistin u Il-Ħajja ta’ Wistin ta’  S. Possidju

 

Il-Ġimgħa 5 ta’ Jannar 2024 (6.00 – 7.30pm)

Ftuħ tas-Sena Akkademika 2024

Ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija - Presjeduta mill-WR P. Leslie Gatt OSA

 

Daħla fil-qosor għas-Sena Akkademika 2024 - Prof. Salvinu Caruana OSA (Viċi-Pres./Direttur Ist.Agost.)

 

Il-Ġimgħa 12 ta’ Jannar 2024 (6.00 – 7.00pm)

Tnedija ta’ ktieb Wistin ta’ Ippona: Mixja ta’ ħajja u qdusija tal-Professur P. Salvinu Caruana OSA

Fis-sede tal-Istitut Agostinjan, Kunvent S. Rita, S. Ġiljan

 Jitħadded dwar il-ktieb il-Professur Salvinu Caruana OSA

Il-pubblikazzjoni tkun għall-bejgħ għall-prezz ta’ €15 (wara €20)

        

Il-Ġimgħa, 19 ta’ Jannar 2024

Prof. Salvinu Caruana OSA (Vice Pres./Dir. Ist.Agost.)

Daħla għall-Istqarrijiet ta’ S. Wistin, u L-Istqarrijiet ktieb 1: Għax int għamiltna għalik,

u qalbna ma ssibx kwiet qabel ma tistrieħ fik (1,1,1)

 

Il-Ġimgħa, 26 ta’ Jannar 2024

P. Francis Calleja OSA

L-Istqarrijiet ktieb 2: Imma jien, imsejken li jien, x’ħabbejt fik, ja serq tiegħi...(1,6,12)

 

Il-Ġimgħa, 2 ta’ Frar 2023

P. Pierre Desira OSA (Ass.Dir. Ist.Agost.)

L-Istqarrijiet ktieb 3: F’Kartaġni...fost ħafna mħabbiet ħżiena qisni ġo taġen jagħli u jfaqqa’ madwari...(3,1,1)

 

Il-Ġimgħa, 9 ta’ Frar 2024

Prof. Revdu Hector Scerri (Fak.Teol. UOM)

L-Istqarrijiet ktieb 4: Sirt kwistjoni kbira għalija nnifsi; kont nistaqsi lil ruħi l-għala kienet imnikkta...(4,4,8)

 

Il-Ġimgħa, 16 ta’ Frar 2024

P. Franco Grech OSA (Ist.Agost.)

L-Istqarrijiet ktieb 5: F’dik il-medda ta’ kważi disa’ snin li matulhom b’moħħi mxerred tajt widen għall-Manikej...(5,6,10)

 

 Il-Ġimgħa, 23 ta’ Frar 2024

P. Peter Paul Cachia OSA (Ist.Agost.)

L-Istqarrijiet ktieb 6: It-tifkira ta’ dak il-logħob baqgħetlu f’moħħu, imma saritlu duwa għall-ġejjieni tiegħu. (6,9,14)

 

Il-Ġimgħa, 1 ta’ Marzu 2024

P. Mario Attard Ofm Cap. (Ist.Agost.)

L-Istqarrijiet ktieb 7: Qabel xejn ridt turini kemm tieqaf lill-kburin u tagħti l-grazzja lill-umli... (7,9,13)

 

Il-Ġimgħa, 8 ta’ Marzu 2024

P. Adeodato Schembri OSA (Ist.Agost.)

L-Istqarrijiet ktieb 8: Warrabtni minn wara dahri, fejn kont qegħidt lili nnifsi biex ma nħarisx lejja...(8,7,16)

 

Il-Ġimgħa, 15 ta’ Marzu 2024

Onor. Imħallef (Emeritu) Silvio Meli (Ist.Agost.)

L-Istqarrijiet ktieb 9: ...u ma ridtx inħallihom jibqgħu jixtru minn fommi l-armi għall-gwerer fil-qrati tal-ġenn tagħhom...(9,2,2)

 

Il-Ġimgħa, 12 t’April 2024

Dottsa Ritienne Debono MD (Ist.Agost.)

L-Istqarrijiet ktieb 10: Dan hu l-ġid li nixtieq mill-istqarrijiet li nagħmel mhux dwar l-imgħoddi tiegħi, imma dwar il-qagħda tiegħi ta’ issa.(10,4,6)

 

Il-Ġimgħa, 19 t’April 2024

Prof. Salvinu Caruana OSA (Vice Pres./Dir. Ist.Agost.)

L-Istqarrijiet ktieb 11: Mela x’inhu ż-żmien? Jien naf x’inhu, sakemm ħadd ma jistaqsini x’inhu; imma jekk xi ħadd jistaqsini ma nkunx naf infissirlu...(11,14,17)

 

Il-Ġimgħa, 26 t’April 2024

Revd Dr Jonathan Farrugia (HOD Fak.Teol. UOM/Ist.Agost.)

L-Istqarrijiet ktieb 12: Inti ġa għidtli, Mulej, b’leħen qawwi li smajtu ’l ġewwanett f’widnejja... (12,11,11)

  

Il-Ġimgħa, 3 ta’ Mejju 2024

Revd Dr Jonathan Farrugia (HOD Fak.Teol. UOM/Ist.Agost.)

L-Istqarrijiet ktieb 13: Min se jifhem it-Trinità li tista’ kollox? Iżda min ma jitkellimx fuqha, jekk tassew fuqha jitkellem? (13,11,12)

Il-Ħajja ta’ Wistin ta’ S. Possidju, isqof ta’ Kalama (Vita Augustini - VA)

 

Il-Ġimgħa, 10 ta’ Mejju 2024

Ħjiel storiku dwar il-ħajja tal-qaddis Possidju, l-isqof ta’ Kalama (Guelma)

(Ktieb ta’ P. Salvinu Caruana OSA S. Possidju isqof ta’ Kalama. Il-Ħajja ta’ Wistin

(Malta: Provinċja Agostinjana, 2005, p. 26-34)

 

Il-Ħajja ta’ Wistin (ktieb kap 3.0, p.74-78)

P. Pierre Desira OSA (Ass.Dir. Ist.Agost.)

 

Il-Ġimgħa, 17 ta’ Mejju 2024      

Il-Ħajja ta’ Wistin (VA) (preġji u kritika) u l-Istqarrijiet ta’ Wistin, imqabbla

Revdu Prof. Salvinu Caruana OSA

 

Il-Ġimgħa, 24 ta’ Mejju 2024

Il-Ħajja ta’ Wistin – l-ewwel taqsima (ktieb p. 78-126)

Revdu Prof. Salvinu Caruana OSA

 

Il-Ġimgħa, 31 ta’ Mejju 2024

Il-Ħajja ta’ Wistin – it-tieni taqsima (ktieb p. 126-147)

Revdu Prof. Salvinu Caruana OSA

 

Il-Ġimgħa, 14 ta’ Ġunju 2024

Il-Ħajja ta’ Wistin – it-tielet taqsima (ktieb p. 148-177)

Revdu Prof. Salvinu Caruana OSA

 

Il-Ġimgħa, 21 ta’ Ġunju 2024 fil-5.45pm

TQASSIM TA’ ĊERTIFIKAT TA’ ATTENDENZA


Fix-xahar ta’ Novembru ġiet iċċelebrata l-festa tradizzjonali ta’ San Martin fil-Baħrija. Fil-Knisja ġew organizzati diversi ċelebrazzjonijiet liturġiċi li jilħqu diversi setturi ta’ din iż-żona pastorali. Dawn iċ-ċelebrazzjonijiet laħqu l-qofol tagħhom nhar is-Sibt 11 ta’ Novembru permezz ta’ Quddiesa solenni u wara Purċissjoni bl-istatwa ta’ San Martin fit-toroq tal-Baħrija. L-istatwa ċkejkna ta’ San Martin kienet inħadmet minn Ġużeppi Caruana fl-1945 u matul ix-xhur li għaddew ġiet irrestawrata mill-artist Aaron Camilleri Cauchi biex iżżanżnet mill-ġdid fil-festa ta’ din is-sena.

Il-Festa ta’ San Martin iġġib magħha anke l-fiera tradizzjonali li ilha ssir fil-Baħrija għal ħafna snin. Il-fiera tittella minn għadd sabih ta’ voluntiera tal-Knisja li jikkoordinaw din l-attività u l-inizjattivi li jiġu organizzati. Numru sabih ta’ helpers jgħinu anke matul is-sena kollha fl-organizzazzjoni tal-ħajja pastorali ta’ din iż-żona li hija fdata f’idejn l-aħwa Agostinjani tar-Rabat.


Nhar l-Erbgħa, 13 ta’ Diċembru, l-aħwa agostinjani ltaqgħu f’The Santa Rita Priory f’San Ġiljan għal mument ta’ talb fi żmien l-Avvent. Fr Martin Micallef ofm Cap mexxa riflessjoni fuq il-kewkba li nsibu fil-paġni tal-Vanġelju skont San Mattew. Wara mument qasir ta’ waqfa, l-aħwa inġabru għal adorazzjoni fis-skiet quddiem Ġesu’ Sagramentat u l-Barka Sagramentali.


Nhar il-Ħamis 9 ta’ Novembru saret laqgħa għal-lajċi Agostinjani fl-Campus tal-primarja tal-Agostinjani l-Marsa. Il-laqgħa kienet tikkonsisti f'kelmtejn minn Fr David Cortis, Rettur tal-Kulleġġ Santu Wistin fl-okkażjoni tal-175 sena mill-twaqqif tal-Kulleġġ, u wara Fr Mario Abela mexxa ftit ħin ta' Adorazzjoni u talb għall-vokazzjonijiet, speċjalment Agostinjani. Wara kellna mument soċjali flimkien fejn qsamna xi ħaġa tajba bejnietna. Nirringrazzjaw lil Fr David, Fr Mario, Fr Terence u lill-Kummissjoni Provinċjali Lajċi Agostinjani, u lil Kevin u Lydia Vella, membri tal-Fraternita' Agostinjana Sekulari, tal-kontribut li taw biex il-laqgħa tkun sabiħa għall-glorja t'Alla.


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.