San Alipju - 16 ta' Mejju

Dak li nafu fuq San Alipju nsibuh kollu fil-kitba tal-ħabib tiegħu Santu Wistin li miegħu għex iż-żgħożija żbaljata, il-konverżjoni u l-ħidma ta’ l-apostolat.

Alipju twieled f’Tagaste minn ġenituri li kienu fost l-iżjed magħrufa f’pajjiżhom. Kien qsajjar iżda bi spirtu qawwi u karattru mimli ħeġġa. Kellu ħbiberija tant kbira ma’ Santu Wistin li ta’ spiss kien isejjaħlu “ħbiberija ta’ qalbi”. Kien xi sena iżgħar mill-ħabib tiegħu li bħalma nafu kien twieled fit-354. Kienu jmorru l-istess skola elementari ta’ pajjiżhom u l-iskola tar-rettorika f’Kartaġni. Mar qablu f’Ruma fejn beda jistudja l-liġi, iżda mar miegħu Milan. F’Ruma kien l-assessur ta’ l-uffiċċju statali li kien jieħu ħsieb l-għajnuna tal-foqra fl-Italja u f’dan iż-żmien ftit li xejn kien jagħti eżempju ta’ safa u ta’ nuqqas ta’ egoiżmu. Huwa irreżista bil-qawwa kollha senatur li kellu poteri kbar u li ried iġġagħlu jagħmel xi ħaġa kontra l-liġi iżda b’għaġeb ta’ kulħadd ma waqax għat-theddid u għat-tgħajjir tiegħu. Santu Wistin jikteb hekk: “Ruħ tal-għaġeb li ma tatx kas tal-ħbiberija u l-anqas beżgħet mill-għadwa ta’ bniedem hekk b’saħħtu li kellu l-mezzi kollha biex jagħmel it-tajjeb jew il-ħażin”. Kienet il-ħbiberija ma’ Santu Wistin li għal ftit żmien warrbitu mill-passjoni li kellu għall-logħob taċ-ċirklu, iżda kaxkritu għall-Manikejiżmu.

Alipju għex mal-ħabib fit-taqlib li kellhom meta bdew triqthom lura lejn il-fidi u billi kien safi fi drawwietu Wistin għenu fil-ġlieda kontra l-passjonijiet u taħ parir li ma jiżżewwiġx biex ikun jista’ jgħix liberu fl-imħabba lejn għerf. Kien ukoll preżenti waqt il-konverżjoni tiegħu u għamel bħalu. Għalhekk mar miegħu f’Cassiciaco fejn ħa parti fid-diskussjoni filosofika u tgħammed miegħu fil-25 t’April 387. Sena wara Alipju mar lura f’Afrika u f’Tagaste ma ħbiebu ngħalaq f’ħajja konventwali. Fit-391 mar wara Wistin fil-monasteru t’Ippona. Wara ftit telaq lejn il-Lvant u beda ħbiberija ma’ San Ġlormu. Kien ħabib ta’ San Pawlinu ta’ Nola li kien jammirah għall-qdusija u għaż-żelu.

Ġie magħżul isqof ta’ Tagaste meta Santu Wistin kien għadu qassis. Għal kważi 40 sena kien miegħu jsaħħaħ il-knisja Afrikana bit-tiġdid tal-kleru. Bħala surmast tal-ħajja reliġjuża kien difensur tal-fidi kontra l-eretiċi Donatisti u Pelaġjani (Santa Melanja ż-Żgħira għaddiet seba’ snin f’Tagaste taħt id-direzzjoni tiegħu).

Fl-411 ħa sehem fil-Konferenza ta’ Kartaġni u kien wieħed mis-seba’ isqfijiet li ikkonfrontaw lid-Donatisti. Fl-418 il-Papa Żożimu bagħtu f’Ċesarija tal-Mawritanja fuq affarijiet ekkleżjastiċi u ħa parti fid-dibattitu li kellu Wistin ma’ Emeritu, isqof Donatisti. Ħadem b’żelu kbir kontra l-Pelaġjani li kienu joqogħdu daqs kemm kienu joqogħdu lil Wistin iżda daqshekk ieħor kien imfaħħar minn Ġlormu. Fl-416 ħa parti fil-Konċilju ta’ Milevi fin-Numidja u kiteb lill-Papa Innoċenzu dwar dal-konċilju. Minħabba l-Pelaġjani ma kemm-il darba l-Italja u wassal ix-xogħlijiet ta’ Santu Wistin lill-Papa Bonifazju u lill-uffiċjal statali Valerju. Fl-428 minn Ruma bagħat tweġiba ta’ Ġlormu lil ħabibu u nsista li dan jirrispondi. Dan huwa l-aħħar tagħrif li għandna. Naħsbu li kien Ippona waqt il-mewt ta’ Santu Wistin u li huwa miet fl-istess sena 430.

Agostino Trapè, osa (+1987)*

 *Alipio, vescovo di Tagaste, santo, in BS 1, Roma 1961 (rist. 1990), 871-873. Biex inqassru ġew eliminati ċ-ċitazzjonijiet numerużi li nsibu fit-test.


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.