L-Ewwel Ħadd ta’ l-Avvent. Sena Liturġika C
Ġeremija 33:14-16; Salm 24; 1 Tessalonkin 3:12; 4:2; San Luqa 21:25-28,34-36
Aqra’: F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Ikun hemm sinjali fix-xemx u l-qamar u l-kwiekeb. Il-ġnus fuq l-art, b’qalbhom ittaqtaq, ma jafux x’jaqbdu jagħmlu minħabba l-ħsejjes tal-baħar u tal-imwieġ; in-nies ruħhom ħierġa bil-biża’ billi jobsru xi jkun ġej fuq id-dinja, għax il-qawwiet tas-smewwiet jitqallbu. Imbagħad jaraw lil Bin il-bniedem ġej fi sħaba, b’qawwa u glorja kbira. Meta jibda jseħħ dan kollu, qawwu qalbkom u erfgħu raskom, għax il-fidwa tagħkom hi fil-qrib.
Riflessjoni: Tentazzjoni kbira li tiġina hija li nċedu quddiem id-dnub li donnu jaħkem id-dinja: “Mhemmx x’tagħmel”, igħidu xi wħud, “l-ħażen madwarna huwa b’saħħtu wisq: ġuħ, konflitti, inġustizzji, mibegħda…donnhom ser jibqgħu magħna għal dejjem”. Mhux hekk biss, imma anke fil-ħajja personali tagħna ngħaddu minn fallimenti, miżerji, dgħufijiet u vizzji. Il-passjonijiet jaħkmuna u ħafna drabi insibuna nagħmlu kompromessi li jnikktuna. Biżgħat, delużjonijiet, rimorsi, esperjenzi mhux sbieħ jagħmluha diffiċli għalina li nitbissmu. Huwa possibli li jerġa jkollna fiduċja fina nfusna u fl-oħrajn? Jista’ xi ħadd jerġa jagħtina s-serenita’, il-fiduċja u l-paċi?
Ma’ hemm l-ebda tip ta’ jasar li l-Mulej ma jistax jeħlisna minnu. Ma’ hemm l-ebda abbiss ta ħtija li Huwa ma jistax itellgħana minnu. Huwa jistenniena ngħarfu l-kundizzjoni tagħna, u nduru lejh bil-kliem tas-salmista: “Minn qiegħ l-art insejjaħlek Mulej”. Il-mument li nħallu lil Alla jiġi f’ħajjitna, inħallu l-Avvent iseħħ f’ħajjitna, titwieled dinja ġdida għalina.
Itlob: Triqatek, Mulej, għarrafni, il-mogħdijiet tiegħek għallimni. Mexxini fis-sewwa tiegħek u għallimni, għax int Alla tas-salvazzjoni tiegħi.
Agħmel: “Oqogħdu attenti, u qisu li l-ikel u x-xorb żejjed u s-sokor ma jmewtulkomx qalbkom, u tħallux li l-ħafna tħassib għall-ħtiġiet tal-ħajja jeħdilkom raskom, li ma ssibuhx dak il-Jum fuqkom għall-għarrieda. Għax hu Jum li għad jaqa’ bħal nassa fuq kull min jgħammar fuq wiċċ l-art kollha. Ishru, mela, u itolbu l-ħin kollu, biex tkunu tifilħu tgħaddu minn kulma għandu jiġri u tieqfu quddiem Bin il-bniedem”.