Ir-Raba’ Ħadd ta’ l-Avvent. Sena Liturġika C
Mikea 5:1-4a; Salm 79; Lhud 10:5-10; Luqa 1:39-45
Aqra’: F’dawk il-ġranet Marija qamet u marret tħaffef lejn l-għoljiet, f’belt tal-Lhudija. Daħlet għand Żakkarija u sellmet lil Eliżabetta. Malli Eliżabetta semgħet lil Marija ssellmilha, it-tarbija qabżet fil-ġuf tagħha u Eliżabetta mtliet bl-Ispirtu s-Santu; u nfexxet f’għajta kbira u qalet: “Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek! U minn fejn ġieni dan li omm il-Mulej tiegħi tiġi għandi? Għax ara, malli smajt f’widnejja leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija li għandi fil-ġuf qabżet bil-ferħ. Iva, hienja dik li emmnet li jseħħ kulma bagħat jgħidilha l-Mulej”.
Riflessjoni: Kulfejn tidħol Marija – l-Arka l-ġdida tal-Patt – ikun hemm splużjoni ta’ ferħ: il-Battista jaqbeż bil-ferħ, Eliżabetta tinfexx f’għajta kbira meta l-Mulej iżurha f’Marija, il-fqar jifirħu għax iż-żmien tal-ħelsien tagħhom kien wasal. Li tilqa’ lill-Mulej li ġej ma jfissirx li ma tibqax tkun ferħan, imma li tiftaħ il-bibien għall-ferħ veru. Marija hija msejħa hienja għax emmnet kullma bagħat jgħidilha l-Mulej. Il-fidi vera – bħalma kellha Marija – m’għandhiex bżonn tara u tivverifika. Hija bbażata fuq is-smigħ tal-Kelma. Il-fidi turi ruhha meta dak li jemmen jagħmel dak li din il-Kelma tgħidlu biex jagħmel bla ebda kundizzjoni. Irid ikollok ħafna kuraġġ biex temmen li l-wegħdiet li Alla jagħmel lill-bennejja tal-paċi, lil dawk li ma jpattux deni b’deni, lil dawk li joffru ħajjithom għall-imħabba, ser iseħħu. Marija turina li minkejja li ma nifhmux kif il-Mulej qiegħed jaħdem fina u bina, jagħmel sens li nibqgħu nafdaw dejjem fil-kliem tal-Mulej: “Ħienja dawk li jisimgħu l-kelma ta’ Alla u jħarsuha” (Luqa 11:28). Marija emmnet li l-Mulej ma jiġix għand min hu perfett imma għand min hu konvint li għandu bżonnu.
Itlob: Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, u l-Ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-salvatur tiegħi. Għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. Iva minn issa ‘l quddiem kull nisel isejjaħli hienja. Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar.
Agħmel: Nagħtu każ x’irid Alla minna fl-għażliet li nagħmlu ta’ kuljum.