Il-Ħames Ħadd tar-Randan Sena C
Isaija 43:16-21; Salm 125; Filippin 3:8-14; San Ġwann 8:1-11
Aqra’: F’dak iż-żmien, Ġesù telaq lejn l-Għolja taż-Żebbuġ. Imma l-għada qabel is-sebħ raġa’ mar fit-tempju, u l-poplu kollu ġie ħdejh, u hu qagħad bilqiegħda jgħallimhom. Imbagħad il-kittieba u l-Fariżej ħadulu quddiemu waħda mara li kienet inqabdet fl-adulterju. Huma qegħduha fin-nofs u qalulu: “Mgħallem, din il-mara nqabdet fil-fatt fl-adulterju. Issa fil-Liġi tagħna Mosè ordnalna biex nisa bħal dawn inħaġġruhom. Int, imma, xi tgħid?”. Dan qaluhulu biex iġarrbuh, ħalli jkollhom fuqiex jixluh. Imma Ġesù tbaxxa lejn l-art u beda jikteb b’sebgħu fit-trab. Billi dawk baqgħu jistaqsuh, qam dritt u qalilhom: “Min fostkom hu bla dnub jitfgħalha hu l-ewwel ġebla”. U raġa’ tbaxxa jikteb fit-trab. Kif semgħuh jgħid dan, qabdu u telqu wieħed wara l-ieħor, ibda mix-xjuħ. Ġesù baqa’ waħdu mal-mara, wieqfa fin-nofs. Qam dritt u qalilha: “Dawk fejnhom, mara? Ħadd minnhom ma kkundannak?”. “Ħadd, Sinjur”, qaltlu. “Mela anqas jien ma nikkundannak”, qalilha Ġesù. “Mur, u mil-lum ’il quddiem tidnibx iżjed”.
Riflessjoni: Illum is-silta tal-vanġelu qed tiftħilna għajnejna biex noqogħdu attenti li ma mmorrux biex ngħattu n-nuqassijiet u d-dnubiet tagħna, niffukaw fuq d-dnubiet ta’ ħaddieħor. Hekk jagħmlu grupp ta’ fariżej u għalliema tal-liġi li jġibu mara quddiem Ġesu’ u l-folla, jiddikkjaraw li hi nqabdet fl-adulterju u jgħidu li l-kastig li titilob il-Liġi ta’ Mose kien li din tkun imħaġġra għall-mewt. Aħna wkoll ġili nkunu moħħna f’xulxin..nitkazaw, nakkużaw. Insibuha diffiċli nħennu, niskużaw naħfruha ‘l xi ħadd. Pronti wisq biex nippuntaw subgħajna, nattribwixxu ntenzjonijiet ħżiena, nikkritikaw u nikkundannaw. Forsi ma nitfgħux ġebel lejn dak li f’għajnena hu ħażin, imma ninfamaw, niżolaw, ngħidu kliem iebes, ngħidu kontra dak li jkun. Saħansitra nippruvaw niġbdu lill-Mulej magħna fil-kundanni tagħna lejn min f’għajnejna huwa ħażin: “Issa, inti xi tgħid?” Il-Mulej iffakarna li lkoll noqogħdu fi djar tal-ħġieġ, ilkoll mnissla fid-dnub, ilkoll inklinati għall-iżball. Ħadd minna ma jista jitfa’ ġebel jew kundanni lil ħadd. Ħadd mhu perfett. Ħadd mhu qaddis. Ħadd mhu bla dnub. F’dawn is-sentejn ta’pandemija drajna bil-maskra. Jalla ma nkunux qegħdin nilbsu maskra li turi dak li m’aħniex meta nippruvaw nilagħbuha ta’ qaddisin. Hemm xi ħadd li jara wiċċna minn fuq il-maskra. Quddiemu ma ninħbewx: “Min fostkom hu bla dnub jitfgħalha hu l-ewwel ġebla”.
Itlob: Nitolbu biex aħna nagħrfu li l-akbar dnub tagħna huwa meta nippretendu li aħna aħjar mill-oħrajn.
Agħmel: “Ejjew nieħdu bis-serjeta’l-fatt li aħna nsara, u nħabirku biex ngħixu bil-fidi, għax hekk biss l-Evanġelju jista’ jmiss il-qalb tal-persun u jiftaħha biex tilqa’ l-grazzja tal-imħabba, biex tilqa’ din il-ħniena kbira ta’ Alla li tilqa’ lil kulħadd” (Papa Franġisku, 30 ta’ Jannar 2016)