Il-25 Ħadd matul is-Sena Liturġika B
Għerf 2:12.17-20; Salm 53; San Ġakbu 3:16-4:3; San Mark 9:30-37
Aqra’: Waslu Kafarnahum; u meta kienu d-dar staqsiehom: “X’kontu qegħdin titħaddtu bejnietkom fit-triq?”. Iżda huma baqgħu siekta, għax fit-triq kienu qagħdu jitħaddtu bejniethom fuq min kien l-akbar. Imbagħad qagħad bilqiegħda, sejjaħ it-Tnax, u qalilhom: “Jekk xi ħadd irid ikun l-ewwel wieħed, għandu joqgħod wara kulħadd u jkun qaddej ta’ kulħadd”. U ressaq lejh tfajjel ċkejken, qiegħdu f’nofshom, ħaddnu bejn dirgħajh u qalilhom: “Kull min jilqa’ wieħed minn dawn iċ-ċkejknin minħabba f’ismi, ikun jilqa’ lili; u min jilqa’ lili, ikun jilqa’ mhux lili, imma lil dak li bagħatni”.
Riflessjoni: “Meta kienu d-dar staqsiehom”. “Id-Dar” tirrapreżenta l-Komunita’ Nisranija. F’din “id-Dar” min jokkupa l-ewwel post irid iwarrab kull xewqa li jkun hu l-akbar. Il-Knisja hija l-post fejn kull wieħed u waħda mill-insara jagħraf id-doni li tah Alla, u jiċċelebra l-kobor tagħhom billi jużahom b’umilta’ għas-servizz lill-oħrajn. F’għajnejn Alla, l-ikbar wieħed huwa dak li l-iktar jixbaħ lil Kristu, li huwa l-qaddej ta’ kulħadd (Lq 22:27).
Biex jwassal b’iktar qawwa dan il-messaġġ, Ġesu’ jagħmel ġest sinifikanti: ‘U ressaq lejh tfajjel ċkejken, qiegħdu f’nofshom, ħaddnu bejn dirgħajh u qalilhom: “Kull min jilqa’ wieħed minn dawn iċ-ċkejknin minħabba f’ismi, ikun jilqa’ lili”’. Fi żmien Ġesu’, it-tfal kienu maħbuba, imma ma kellhomx importanza fis-soċjeta’. Mill-aspett ta’ liġi ma kienux rikonoxxuti, u kienu meqjusa ukoll li mhumiex safja għaliex jonqsu minn dak li kienet titlob il-liġi. Jekk inżommu dan il-fatt f’moħħna, nifhmu iktar il-għala Ġesu’ għamel dan il-ġest. Ġesu’ jrid li l-komunita’ tad-dixxipli tiegħu ipoġġu fiċ-ċentru ta’ l-attenzjoni u ta’ l-isforzi tagħhom lill-ifqar fost il-fqar, lil dawk li ma jgħoddux fis-soċjeta’, lill-emarġinati, lil dawk li mhumhiex safja.
Mhux faċli tħaddan bniedem li ta’ xi erbgħin sena li għad għandu bżonn jiġi mwieżen bħal tifel żgħir..wieħed li ma jġibx ruħu sewwa man-nies, itellef l-ħajja ta’ ħaddieħor, mhux responsabbli. “Tħaddan” ma jfissirx li tapprova l-imġiba ta’ bniedem bħal dan u tissaportja l-imġieba ħażina tiegħu, imma li tedukah, tgħinu jikber. Fil-komunitajiet tagħna issib “tfal” minn dawn. Irridu nammettu li “it-tifel” jinsab f’ kull wieħed u waħda minna. Li nħaddnu lil xulxin huwa ġest ta’ aċċettazzjoni ta’ xulxin bil-ferħ, b’fiduċja, b’rispett, b’rieda li nservu.
Itlob: Mulej, ħaddanna bejn dirgħajk, kif għamilt lil dak it-tifel ċkejken u għallimna nilqgħu lilek, il-fehmiet tiegħek, it-toroq tiegħek.
Agħmel: Aħseb fuq l-importanza li jpoġġi Ġesu’ fl-attitudni tiegħek li sservi lill-oħrajn, u agħmlu fil-prattika, fil-ħajja tiegħek.