It-2 Ħadd matul is-Sena B
Samwel 3:3b-10.19; Salm 39; Korintin 6:13c-15a.17-20; Ġwanni 1:35-42
Aqra’: Il-Mulej ġie, waqaf ħdejh, u sejjaħ bħal drabi oħra: “Samwel! Samwel!” U Samwel wieġeb: “Tkellem, għax il-qaddej tiegħek qiegħed jisma’”. Wieħed mit-tnejn li semgħu x’kien qal Ġwanni u marru wara Ġesu’ kien Indri, ħu Xmun Pietru. L-ewwel ma għamel mar isib lil ħuħ Xmun, u qallu: “Sibna l-Messija” – li tfisser Kristu. U ħadu għand Ġesu’. Ġesu’ ħares lejh u qallu: “Inti Xmun, bin Ġwanni. Inti tissejjaħ Kefa” – jew Pietru.
Itlob: Mulej għarrafni l-isem li bih sejjaħtli qabel ma tnissilt f’ġuf ommi. Hawn jien, ġej nagħmel ir-rieda tiegħek!
Riflessjoni: Xejn u ħadd mhu anonimu quddiem il-Mulej li “jgħodd in-numru tal-kwiekeb; kollha jsejħilhom b’isimhom” (Salm 147:4). L-isem li Alla jagħti lil kull persuna juri identita, vokazzjoni, u missjoni. Il-vokazzjoni mhi xejn ħlief l-iskoperta ta’ dak li ġejna maħluqin biex inkunu, l-iskoperta tal-post tagħna fil-ħolqien u fil-pjan ta’ Alla. Dan mhuwiex muri lilna permezz ta’ ħolm u viżjonijiet. Niskopruh billi nħarsu ġewwa fina nfusna, fejn nisimgħu il-kelma tal-Mulej li hija mismugħa u murija lilna fil-ġrajjiet li ngħaddu minnhom, u permezz ta’ “anġli” li jieqfu ħdejna: dawk l-aħwa li jinterpretawlna il-ħsibijiet u r-rieda tiegħu għalina. Li tgħid “Hawn jien ,ġej biex nagħmel ir-rieda tiegħek” tfisser li tkun fidil għall-identita’ tiegħek u hekk tikseb bilanċ u ferħ ġewwieni.
Agħmel: Jekk sibt lil Ġesu’ f’ħajtek b’tali mod li lest li tintelaq fi ħdanu, bħal Indri, ħu lil xi ħadd ieħor għandu.