It-Tielet Ħadd Tal-Għid
Luqa 24, 13-35
Aqra: Id-dixxipli ta’ Għemmaws jgħarfu lil Ġesù fil-qsim tal-ħobż. Dan jindikalna l-karattru Ewkaristiku ta’ dak li ġara f’din il-ġrajja. Mill-ewwel ninnutaw in-natura tal-għaġeb ta’ l-Ewkaristija
Itlob: O Alla agħmel li nkun dejjem grat għad-don ta’ l-għaġeb li tajtni fl-Ewkaristija
Irrifletti: Kemm hija ċentrali l-Ewkaristija f’ħajtek?
Bħalissa, minħabba l-pandemija, ninsabu mċaħħdin milli nirċievu dan id-don. Tħossok li tixtieq jgħaddi malajr dan iż-żmien biex tkun tista terġa tibda tirċievi dan is-sagrament ta’ l-imħabba?
Bħalissa, sakemm tgħaddi din l-imxija, nistgħu nieħdu sehem fil-quddiesa biss permezz tat-Television jew is-Social Media, mingħajr ma nkunu preżenti fiżikament. Forsi qabel ma bdiet il-pandemija, aħna l-Maltin, li huwa kkalkulat li għandna 356 knisja, konna nieħdu l-quddiesa foregranted, u ġieli ttraskurajna. Imma issa li aħna mċaħħdin milli nieħdu sehem fil-quddiesa fil-knisja, ħafna nies qed japprezzawha iktar. Dan huwa żmien ta’ riflessjoni għalina:
X’differenza tgħaddi bejn “tisma’” (jew f’dan iż-żmien tara) il-quddiesa u “tieħu sehem fil-quddiesa”?
Tista’ tkun nisrani, bla ma tiċċelebra Jum il-Mulej?
Ma taħsibx li ġieli ngħixu ħajja doppja. Nhar ta’ Ħadd nieħdu sehem fil-quddiesa u fost il-ġimgħa, ngħidu kontra l-proxxmu, inqarrqu…?
“Morru fil-paċi ta’ Kristu”, hekk tispiċċa l-quddiesa. Tħoss xi responsabilta’ wara li tkun ħadt sehem fl-Ewkaristija?
Agħmel: Illum aqra xi ħaġa fuq l-Ewkaristija biex tgħaraf u tapprezza dejjem iktar dan id-don.