It-Tielet Ħadd tal-Għid
Atti tal-Appostli 5:27b.40b-41; Salm 29; Apokalissi 5:11-14; San Ġwann 21:1-19
Aqra’: F’dak iż-żmien, Ġesù raġa’ deher lid-dixxipli ħdejn il-baħar ta’ Tiberija. Dehrilhom hekk: Xmun Pietru, Tumas, li jgħidulu t-Tewmi, Natanjel minn Kana tal-Galilija, ulied Żebedew u tnejn oħra mid-dixxipli tiegħu kienu flimkien. Xmun Pietru qalilhom: “Sejjer nistad”. Qalulu: “Ħa niġu miegħek aħna wkoll”. Marru, rikbu d-dgħajsa, u dak il-lejl ma qabdu xejn.
Filgħodu mas-sebħ, Ġesù kien qiegħed ix-xatt, imma d-dixxipli ma kinux jafu li kien Ġesù. Ġesù qalilhom: “Għandkom x’tieklu, ħbieb?”. “Le”, weġbuh. Qalilhom: “Waddbu x-xibka n-naħa tal-lemin tad-dgħajsa u ssibu”. Dawn waddbu x-xibka, u mbagħad ma felħux jiġbduha daqskemm qabdu ħut! Id-dixxiplu li kien iħobb Ġesù qal lil Pietru: “Il-Mulej dan!”. Għalhekk Xmun Pietru, kif sama’ li kien il-Mulej, xeħet fuqu l-libsa ta’ fuq, għax kien għoddu għeri, u ntafa’ l-baħar. Id-dixxipli l-oħra, billi ma kinux imbiegħda wisq mill-art, imma xi mitejn driegħ biss, resqu bid-dgħajsa jkaxkru warajhom ix-xibka bil-ħut.
Riflessjoni: Fil-parroċċi u l-knejjes tagħna kemm il-darba nagħmlu programmi pastorali ambizzjużi, fil-familji tagħna nużaw l-aħħar techniques psikoloġiċi, biex dejjem nedukaw aħjar lill-uliedna, nagħmlu kull sforz, nagħmlu pjanijiet…madanakolu nafu, li anke l-iktar sforzi tajbin li nagħmlu mhux dejjem ikunu suċċess.
Jista jkun li fil-ħajja tagħna, aħna jiġrilna xi ħaġa simili għal dak li ġara lis-seba’ dixxipli fis-silta tal-vanġelu tal-lum. Wara l-Għid marru jistadu: kienu mħarrġin fis-sajd, kellhom l-esperjenza u kellhom ir-rieda. Ħadmu matul il-lejl kollu, imma ma qabdu xejn. L-isforzi tagħhom ma tawx riżultati: aġixxew fid-dlam mingħajr id-dawl tal-Kelma ta’ l-Irxoxt. U hekk ġili nagħmlu aħna.
Kultant dak li jgħidilna Ġesu’, il-Kelma, jidhru affarijiet li għall-moħħ uman tagħna, ma jagħmlux sens, jidhru ‘il bogħod mill-loġika, jidhru kuntrarji għas-sens komun, per eżempju meta Ġesu’ jgħidilna affarjiet bħal: taħdem għall-paċi mingħajr l-użu tal-vjolenza, idawwar ħaddejk, tħobb lill-għadu, tkun fqir fl-ispirtu…dawn huma pariri li jidhru assurdi, l-istess bħalma kien il-parir lill-appostli biex jitfgħu x-xbieki fil-baħar fid-dawl tal-jum. Imma l-għażla hija bejn li tafda f’Ġesu’ u fi kliemu u jkollok riżultat, jew li tgħaffeġ għar-rasek mingħajr ma tikkonkludi xejn.
Itlob: Mingħajrek, Mulej, mingħajr il-Kelma tiegħek, ma nistgħu nagħmlu xejn
Agħmel: “Agħmlu kull ma jgħidilkom Hu” (San Ġwann 2:5)