Il-Familja Mqaddsa ta’ Ġesu’, Marija u Ġużeppi
1 Samwel 1:20-22.24-28; Salm 83; 1 San Ġwann 3:11-2.21-24
Aqra’: Ta’ kull sena l-ġenituri ta’ Ġesù kienu jmorru Ġerusalemm għall-festa tal-Għid. Meta kellu tnax-il sena telgħu wkoll, skont id-drawwa ta’ dik il-festa. Wara li għaddew dawk il-ġranet qabdu t-triq lura, imma t-tfajjel Ġesù baqa’ Ġerusalemm bla ma kienu jafu l-ġenituri tiegħu. Huma ħasbuh qiegħed ma’ xi wħud li kienu fit-triq magħhom; iżda meta wara jum mixi fittxewh fost qrabathom u n-nies li kienu jafuhom, ma sabuhx, u għalhekk reġgħu lura Ġerusalemm ifittxuh. Wara tlitt ijiem sabuh fit-tempju, bilqiegħda f’nofs l-għalliema, jismagħhom u jistaqsihom; u kull min semgħu baqa’ mistagħġeb bid-dehen u t-tweġibiet tiegħu. Kif rawh, instamtu, u ommu qaltlu: “Ibni, dan għaliex għamiltilna hekk? Ara, missierek u jiena konna qegħdin infittxuk b’qalbna maqsuma”. U hu qalilhom: “U għaliex kontu qegħdin tfittxuni? Ma tafux li jiena għandi nkun f’dak li hu ta’ Missieri?”. Iżda kliemu ma fehmuhx. Imbagħad niżel magħhom u raġa’ mar Nazaret; u kien jobdihom. U ommu kienet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha. U hekk Ġesù baqa’ jikber fl-għerf, fis-snin u fil-grazzja, quddiem Alla u quddiem il-bnedmin.
Riflessjoni: Hemm ħafna tixbieh bejn il-ġrajja ta’ meta Ġużeppi u Marija tilfu lil Ġesu’ u mbagħad sabuh fit-tempju, u l-ħajja spiritwali tagħna. Fil-bidu tal-ġrajja, Ġużeppi u Marija huma kuntenti. Fl-aħħar, wara numru ta’ snin, setgħu jmorru Ġerusalemm biex iqimu lil Alla li kienu jħobbu fuq kollox. Kienu mimlija bil-paċi u l-ferħ ta’ Alla. Hekk inkunu aħna meta nkunu viċin ta’ Alla u l-Knisja tiegħu, Ġerusalemm il-ġdida tagħna.
Imma huma u sejrin lura d-dar, żgur li Marija u Ġużeppi ma ndunawx li kienu bil-mod il-mod qed jitbiegħdu minn Ġesu’. Distratti kif kienu bil-kumpanija ta’ qrabthom u ħbiebhom, ma ndunawx li Ġesu’ ma kinx magħhom. Ħafna drabi aħna nkunu distratti b’dak li jidher li hu tajjeb, meta fir-realta’ nkunu qegħdin nitbegħdu minn dak li huwa l-iktar importanti.
Huwa diffiċli biex nindunaw meta xi ħaġa tkun qed tieħu over il-ħajja interjuri/spiritwali tiegħek. Għalhekk Ġesu’ qalilna biex nitolbu – ħalli nitgħallmu nagħtu l-attenzjoni xierqa lil dan l-aspett importanti ta’ ħajjitna li ħafna drabi nitraskuraw.
Meta nieqfu nirriflettu, għandu mnejn nieħdu shock bħalma ma ġralhom Marija u Ġużeppi meta qalu: “Fejn hu Ġesu’?!” Għaliex sinċerament inkunu qegħdin naħsbu li qiegħed magħna, imbagħad ma nsibuhx. Ma nindunawx li konna qed nitbegħdu minnu bil-mod il-mod. Issa Ġesu’ jinsab mitluf, jew aħjar aħna nħossuna mitlufin. Ġesu’ qiegħed fejn ikun dejjem: fid-dar tal-Missier, fit-tempju ta’ Alla li huwa aħna stess.
Itlob: Ma’ Marija ngħożżu f’qalbna dawn il-ħwejjeġ kollha.
Agħmel: Jekk tinduna li tinsab ‘il bogħod min Ġesu’ taqtax qalbek! Dan huwa parti mill-vjaġġ spiritwali tagħna li jikkonsisti filli jkun hemm mumenti meta ngħarfu li għandna lil Ġesu’ magħna, mumenti meta nitilfu lil Ġesu’, mumenti meta nfittxu lil Ġesu’, mumenti meta nsibu lil Ġesu’, u mumenti fejn nerġgħu niskopru mill-ġdid min hu Ġesu’ għalina.