Sidna Ġesu’ Kristu, Sultan tal-Ħolqien kollu
Danjel 7:13-14; Salm 92; Apokalissi 1:5-8; Ġwanni (18:33b-37)
Aqra’: F’dak iż-żmien, Pilatu sejjaħ lil Ġesù u qallu: “Inti s-sultan tal-Lhud?”. Ġesù wieġeb: “Dan qiegħed tgħidu int minn moħħok, jew kienu oħrajn li qalulek dan fuqi?”. Pilatu wieġeb: “Mela jiena Lhudi? Kien il-poplu tiegħek u l-qassisin il-kbar li tawk f’idejja. X’għamilt?”. Ġesù wieġeb: “Is-saltna tiegħi mhijiex ta’ din id-dinja. Li kieku saltnati kienet ta’ din id-dinja, l-għases tiegħi kienu jiġġieldu biex ma ningħatax f’idejn il-Lhud; imma tabilħaqq saltnati mhijiex ta’ hawn”. Pilatu qallu: “Mela int sultan?”. U Ġesù wieġeb: “Int qiegħed tgħidu; jien sultan. Jien għalhekk twelidt, u għalhekk ġejt fid-dinja, biex nixhed għall-verità. U kull min iħobb il-verità jisma’ leħni”.
Riflessjoni: “Is-saltna tiegħi mhijiex ta’ din id-dinja”. Hekk qal Ġesu’ lil Pilatu. Is-saltniet kollha ta’ din id-dinja huma mnebbħa mill-kompetizzjoni bejniethom. Ġesu’qaleb ta’ taħt dawk il-prinċipji li jmexxu s-saltniet tad-dinja, meta poġġa fuqnett mhux il-poter, imma s-servizz. Daħal kriterju ġdid, dak tal-qalb umana li tħoss għall-oħrajn, bil-kuntrarju tal-kattiveriji li jsiru fid-dinja. Is-Saltna ta’ Kristu ma ssaltanx fuq spazju geografiku. Mhijiex bbażata fuq turija ta’ forza u ma tikkonsistix f’ħakma. Il-membri ta’ din is-saltna la huma suldati, la lsiera, u lanqas sudditi, imma hija saltna ta’ dawk kollha li bil-magħmudija għandhom is-saċerdozju komuni. Dawn huma msejħa biex joffru b’ħajjithom sagrifiċċji milqugħa minn Alla, iġifieri għemejjel ta’ mħabba. Dan huwa l-unika kmand li huma jirċievu mis-Sultan tagħhom. Ir-rebħa tiegħu hija żgura u kulħadd għad jaraha, anke jekk mhijiex it-tip ta’ rebħa kif il-popli jistennew li tkun. Huwa ma jumiljax lill-egħdewwa tiegħu, ma jikkundannax lil “dawk li kienu nifduh” (Apokalissi 1:7), imma jirbaħhom billi jbiddlilhom qlubhom. Ilkoll għad jgħarfu dnubiethom u jduru lejn imħabbtu. Din hija l-unika tip ta’ rebħa li il-komunitajiet insara għandhom jistennew.
Itlob: Hu l-Mulej, Hu l-Mulej. Kull irkoppa tmil. Kull ilsien jistqarr li Hu, Hu l-Mulej.
Agħmel: Għad li mhix ta’ din id-dinja, is-saltna ta’ Kristu qiegħda wkoll fid-dinja. Hi magħmula mill-bnedmin, u trid tikber u tagħti l-frott fost il-bnedmin li qegħdin jgħixu fi żminijiet u pajjiżi konkreti. Wieħed jidħol fis-saltna ta’ dejjem skont ma jkun ħadem biex tinbena s-saltna ta’ Alla fuq l-art. Ħa nħabirku biex inwasslu l-verita’, naħdmu kontra l-vjolenza u nxerrdu l-paċi, neqirdu l-mibegħda u l-egoiżmu, u nġibu t-tjieba u l-imħabba.