Ġuf, mhux iktar qabar

Il-Ħames Ħadd tar-Randan sena A – Il-ġrajja tal-qawmien ta’ Lażżru (Ġw 11, 1-45)

Ġuf, mhux iktar qabar

Ġesu’ igħid lil Martha: “Kull min igħix u jemmen fija, dan ma jmut qatt” (v. 26). Biex nispjegaw dan irridu nqabblu l-ħajja tal-bniedem f’din id-dinja, mal-ħajja tiegħu.

L-eżistenza tagħna hija kkareterizzata minn ħruġ u dħul..noħorġu minn imkien u nidħlu fil-ġuf ta’ l-omm. Meta t-tqala ta’ l-omm tispiċċa, aħna noħorġu biex nidħlu f’din id-dinja karatterizzata minn ħafna sinjali ta’ mewt. Solitudni, abbandun, firda, tradiment, injoranza, mard u tbatija huma forom ta’ mewt. Il-ħajja tagħna qatt mhi kompleta. Hija dejjem suġġetta għall-limitazzjonijiet. Dan ma jistax ikun id-destin aħħari tagħna. Biex ngħixu ħajjitna b’mod sħiħ u mingħajr mewt, hemm bżonn li noħorġu minnha.

Ħa nissoponu li fil-ġuf ta’ l-omm hemm tewmin. Huma jistgħu jaraw, jifhmu, jikkomunikaw bejniethom waqt id-disa xhur tat-tqala. Jafu biss id-dinja żgħira tagħhom, u ma jistgħux jimmaġinaw x’hemm barra il-ġuf. Wara disa’ xhur, it-tewmin jitwieldu wieħed wara l-ieħor. U dak minnhom li jitwieled ftit sekondi wara l-ieħor u jibqa’, anke jekk għal ftit ħin, fil-ġuf ta’ l-omm, jibda’ jaħseb : “Ħija miet. Mhuwiex hawn iktar” u jibki. Imma ħuħ mhux mejjet. Kull ma għamel huwa li ħalla ħajja qasira limitata u daħal f’forma ta’ ħajja oħra.

Ġesu’ jgħid lil Martha li d-dixxiplu ma jesperjenzax il-mewt, imma jitwieled għall-forma ġdida ta’ ħajja. Jidħol fid-dinja ta’ Alla, u jkun jagħmel parti minn ħajja li mhix iktar suġġetta għal-limitazzjonijiet u l-mewt, bħal ma kien fid-dinja. Fil-perspettiva nisranija, mela, il-ħajja f’din id-dinja huwa bħal proċess tat-tqala u l-mewt hija verifikata minn min jibqa’ f’din id-dinja, mhux minn dak li jmut.

“Għalkemm nimxi f’wied mudlam, ma nibżax mill-ħsara għax inti miegħi”.

 

Scroll to Top