Is-Seba’ Ħadd tal-Għid – Tlugħ il-Mulej fis-Sema
Atti 1:1-11; Salm 46; Efesin 4:1-13; San Mark 16:15-20
Aqra’: Ġesu’ wera ruħu lill-Ħdax u qalilhom: “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu”
Riflessjoni: X’ried ifisser Ġesu’ meta qal li l-Evanġelju għandu jixxandar lill-“ħolqien kollu”? Ried ifisser żgur “lil kull persuna”, imma mhux biss. Ried jwessa’ l-orizzonti u jikkontempla salvazzjoni li tinfirex ma’ l-univers kollu. Kull ħlejqa hija frott l-imħabba ta’ Alla (Proverbji 8:22-31). Minħabba d-dnub, ħafna drabi, il-bniedem ġab ruħu ħażin mal-ħolqien. Immexxi mir-regħba, il-bniedem ma fehemx jew ittradixxa l-pjan ta’ Alla. Il-bniedem minflok ħa ħsieb id-dinja, spiċċa jkun despota u predatur. Ħafna drabi l-bniedem ma użax ix-xjenza u t-teknoloġija skont il-pjan ta’ Alla, imma użahom b’mod li mmanipula in-natura skont l-interessi egoistiċi tiegħu. U meta għamel dan, ġab il-kaos. Għal din ir-raġuni, kif San Pawl jgħid: “Il-ħlejjaq kollha qegħdin jistennew ħerqana r-rivelazzjoni ta’ wlied Alla…il-ħlejjaq huma wkoll għad ikunu meħlusa mil-jasar tat-taħsir u jiksbu l-ħelsien ta’ wlied Alla” (Rumani 8:19-21). It-tħabbir tal-Evanġelju jeħles lill-bniedem mill-konvinzjoni tiegħu li huwa is-sid assolut tal-ħolqien. Iġġagħlu għalhekk jirrealiżża li m’għandu l-ebda dritt jintervjeni kif jogħġbu fuq in-natura. Iġġegħlu jibni relazzjoni ġdida ta’ rispett u mħabba, mhux biss mal-bnedmin l-oħra, imma wkoll mal-ambjent, il-pjanti, u l-annimali.
Itlob: “Mulejja, tkun imfaħħar f’oħtna u ommna l-Art, għax minnha l-għajxien u hi tmexxina, u tagħti frott ta’ kull bixra, ward bi lwien u ħxejjex” (San Franġisk)
Agħmel: “Ilkoll kemm aħna nistgħu nikkollaboraw bħala għodda f’idejn Alla għall-ħarsien tal-ħolqien, kull wieħed u waħda bil-kultura u l-esperjenza tiegħu, bl-inizjattivi u l-ħiliet tiegħu”. (Papa Franġisku, Laudato Si’ 14)