It-Tielet Ħadd tar-Randan Sena C
Eżodu 3:1-8a.13-15; Salm 102; 1 Korintin 10: 1-6.10-12; San Luqa 13:1-9
Aqra’: F’dak iż-żmien, ġew xi wħud għand Ġesù u qalulu b’dawk il-Galilin li Pilatu kien ħallat demmhom mad-demm tal-vittmi tas-sagrifiċċji tagħhom. U Ġesù qabad u qalilhom: “Taħsbu intom li dawn il-Galilin kienu iżjed midinbin mill-Galilin l-oħra biex sofrew dan kollu? Le, ngħidilkom; imma jekk ma tindmux, ilkoll tintilfu bħalhom. Jew dawk it-tmintax-il ruħ li fuqhom waqa’ t-torri ta’ Silwam u qatilhom, taħsbu intom li kienu iżjed ħatja min-nies l-oħra ta’ Ġerusalemm? Le, ngħidilkom; imma jekk ma tindmux, ilkoll tintilfu xorta waħda”. U qalilhom din il-parabbola: “Wieħed kellu siġra tat-tin imħawla fl-għalqa. Mar ifittex il-frott fiha, u ma sabx. Għalhekk qal lil dak li kien jaħdimlu l-għalqa: ‘Ara, ili tliet snin niġi nfittex il-frott f’din is-siġra tat-tin, u qatt ma sibtilha. Mela aqlagħha! Għax għalfejn se tibqa’ tkidd l-art?’. Iżda dak wieġbu: ‘Inti ħalliha, sinjur, għal din is-sena, sa ma nagħżqilha madwarha u nagħtiha d-demel. Id-dieħla għandha mnejn tagħmel il-frott; jekk le, aqlagħha’”.
Riflessjoni: Fil-vanġelu tal-lum Ġesu’ juża żewġ ġrajjiet li ġraw fi żmienu biex bihom jagħmel sejħa għall-konverżjoni. Il-messaġġ tal-parabola tas-siġra tat-tin huwa ċar: mingħand dawk li semgħu il-messaġġ tal-vanġelu, Alla jistenna frott tajjeb. Ma jridtx prattiċi reliġjużi esterni, imma jfittex egħmejjel ta’ mħabba.
San Luqa, l-evanġelista tal-ħniena, idaħħal fil-parabbola sena oħra ta’ stennija, qabel l-intervent definittiv. Huwa jippreżenta lil Alla li huwa paċenzjuż, jittolera d-dgħufija tagħna l-bnedmin, inkluż l-ebusija tar-ras u tal-qalb.
Din l-atitudni madanakollu, m’għandhiex tinfthiem bħala li wieħed għandu jkun indifferenti għall-ħażen. Mhuwiex li naċċettaw it-traskuraġni, l-indifferenza u s-superfiċjalita’. Iż-żmien fil-ħajja huwa wisq prezzjuż biex nistgħu nitilfu mqar mument wieħed. Kif wieħed jara d-dawl ta’ Kristu huwa għandu jaċċettah u jimxi warajh mill-ewwel.
Il-parabbola hija stedina biex nikkunsidraw ir-Randan bħala żmien ta’ grazzja, bħala żmien prezzjuż ġdid li huwa mogħti lis-siġra tat-tin (lil kull persuna) biex tagħti l-frott.
Itlob: Mulej taqlagħnix. Kompli iftaħli għajnejja. Kun iebes miegħi kemm hemm bżonn. Imma żommni fl-għalqa tiegħek.
Agħmel: Ħu deċizjoni serja u urġenti: ikkonverti! Għarbel ħajtek, indem u dur lejn Alla