Il-11-il Ħadd matul is-Sena Liturġika B
Eżekjel 17:22-24, Salm 91; Korintin 5:6-10; San Mark 4:26-34
Aqra’: “Is-Saltna ta’ Alla hi bħal meta raġel ikun xeħet iż-żerriegħa fl-art. Rieqed jew imqajjem, billejl jew binhar, iż-żerriegħa tinbet u tikber, bla ma jaf kif. L-art trodd minnha nfisha l-ewwel il-barma, imbagħad is-sbula, imbagħad il-qamħ mimli fis-sbula. U meta l-frott isir, malajr il-bidwi jmidd idu għall-minġel, għax ikun wasal żmien il-ħsad”…….“Qisha żerriegħa tal-mustarda; din meta tinżara’ fil-ħamrija, hi l-iċken fost iż-żrieragħ kollha fuq l-art; imma wara li tinżara’ tikber u ssir l-akbar waħda fost il-ħxejjex kollha, u toħroġ friegħi wesgħin, hekk li l-għasafar tal-ajru jkunu jistgħu jistkennu għad-dell tagħha”…..Lid-dixxipli tiegħu, meta kien ikun waħdu magħhom, kien ifissrilhom kollox.
Riflessjoni: Il-Kelma ta’ Alla, “iż-żerriegħa”, qed tistenna li tinxteħed b’abbundanza fid-dinja kollha. B’hekk il-fidi terġa tikber fil-bnedmin fuq pedamenti sodi. L-ewwel parabbola turina li l-aċċettazzjoni tal-messaġġ tal-Evanġelju mhuwiex immedjat. Il-bidla fil-ġewwieni tal-bniedem tieħu ż-żmien, xi kultant is-snin biex isseħħ. Madanakollu, meta il-Kelma ta’ Alla tinfed il-qalb tal-bniedem, hija tibda taħdem bil-mod il-mod biex iġġib bidla f’dik il-qalb. Din il-parabbola tisfida lilna lkoll…ġenituri, edukaturi, mexxejja tal-komunitajiet insara, li minkejja li jkollna l-aqwa intenzjonijiet, nibdew nitilfu l-paċenzja, ngħaġġlu, u r-riżultat ta’ dan ikun li ndejqu, li nidhru li aħna ntoleranti u qed nimponu. Hemm żminijiet meta wieħed ikollu bżonn “jorqod”, iġifieri, ikun jaf meta għandu jistenna, meta għandu jibqa’ kalm u jikkontempla “iż-żerriegħa tinbet u tikber, bla ma jaf kif”. It-tieni parabbola turina li ż-żerriegħa tas-Saltna t’ Alla hija dejjem żgħira u nieqsa mill-glorji ta’ din id-dinja bħalma huma suċċessi kkalkulati fuq kemm dak li jkun għandu flus, setgħa, unuri, prestiġju u fama. Ġesu’ qaleb din l-iskala tal-valuri: “L-ikbar wieħed fis-Saltna tas-Smewwiet huwa dak li jċekken lilu nnifsu bħal dan it-tfajjel żgħir” (Mt 18:4).
Itlob: Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej…għax Hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu…u għamel miegħi ħwejjeġ kbar!
Agħmel: Mill-messaġġi kollha tal-Evanġelju, dawn tal-lum huma fost l-iktar diffiċli biex taċċetthom. Meta llum qegħdin ngħixu f’soċjeta’ tal-immedjat, kif ser naċċettaw li biex il-Kelma ta’ Alla tagħmel il-frott trid iż-żmien? F’soċjeta’ li tippromwovi s-setgħa, il-fama, il-popolarita’, il-flus…kif ser naċċettaw li huwa min iċekken lilu nnifsu bħal tifel żgħir li huwa kbir fis-Saltna tas-Smewwiet? Is-Silta ta-Evanġelju tagħlaq b’din is-sentenza: “Lid-dixxipli tiegħu, meta kien ikun waħdu magħhom, kien ifissrilhom kollox”. Għandna bżonn ta’ riflessjoni u talb fis-skiet. Oħloq spazju spiritwali biex tirċievi mill-Ispirtu d-dawl li għandek bżonn biex taċċetta u tagħmel tiegħek il-messaġġ ta’ dawn il-parabboli u titraduċiehom f’għażliet tal-ħajja.