Il-Ħames Ħadd tal-Għid
Atti 9:26-31; Salm 21(22) ; 1 San Ġwann 3:18-24; San Ġwann 15:4-5b
Aqra’: Jiena d-dielja vera u Missieri l-bidwi. Kull fergħa fija li ma tagħmilx frott hu jneħħiħa; u kull waħda li tagħmel il-frott inaddafha, biex tagħmel frott aktar….Jekk tibqgħu fija u kliemi jibqa’ fikom, itolbu kull ma tridu, u dan ikun mogħti lilkom. B’dan jissebbaħ Missieri, li tagħmlu ħafna frott u hekk tkunu dixxipli tiegħi.
Riflessjoni: Il-bniedem “li jibqa’ fil-Mulej”, li jemmen, mhuwiex dak li jillimita ruħu biss għall-prattika r-reliġjon: imur il-quddies, jirċievi s-sagramenti, jitlob, jagħmel id-devozzjonijiet, imma huwa dak li jfittex ukoll li jimita lil Kristu billi jkun ġust, iġib ‘il quddiem il-fraternita’, jaqsam l-ġid li għandu ma’ l-oħrajn, jilqa’ lil kulħadd, huwa lejali, sinċier, jiċħad kull vjolenza, jaħfer lill-għedewwa u jġib ‘il paċi. Fejn hemm l-imħabba, il-ferħ, il-paċi u l-maħfra, hemm jinsab il-Mulej li hu ħaj.
Id-dielja ma tagħmilx għeneb għaliha nfisha, imma għal ħaddeħor. In-nisrani li jibqa’ f’Ġesu’, ma jagħmilx atti ta’ mħabba biex jkollu s-sodisfazzjon li qed jilħaq il-perfezzjoni morali jew biex Alla jippremjah. Huwa bħal Missier tas-Sema; iħobb mingħajr ma jistenna xejn lura. Il-premju tiegħu huwa il-ferħ li jkollu meta jara lil xi ħadd kuntent, għax hemmhekk jagħraf li l-imħabba ta’ Alla tkun dehret permezz tiegħu. Xejn iktar, xejn inqas, għax “b’dan jissebbaħ Missieri, li tagħmlu ħafna frott u hekk tkunu dixxipli tiegħi”.
Itlob: Għinni, Mulej, inkun fergħa ħajja fid-dielja li int int biex hekk nagħmel ħafna frott. Saffini, Mulej, naddafni, biex nagħmel frott iżjed.
Agħmel: “Jekk tibqgħu fija u kliemi jibqa’ fikom”. Għaddi ftit ħin taħseb fuq xi tfisser għalik li tibqa’ f’Ġesu’. Aħseb ukoll kif kliemu jibqa’ fik. Kif tħossok meta Alla jikkoreġik jew ‘jiżbrok’? Ftakar kemm Alla jħobbok. Igħinek il-ħsieb li ż-żabra tipproduċi aktar frott?