Ħadd il-Palm
Id-daħla ta’ Ġesù f’Ġerusalemm (Mt. 21:1-11)
Dan min hu?
Nibdew il-Ġimgħa Mqaddsa bid-dħul trijonfali ta’ Ġesù f’Ġerusalemm.
Din il-ġrajja turi tliet affarijiet dwar Ġesù:
- Ġrajja li turi kuraġġ. Ġesù kien jaf tajjeb li kien dieħel f’Belt ostili. Kienu kemm kienu entużjasti l-folol, l-awtoritajiet kienu jobogħduh u kienu ħalfu li jeħilsu minnu. Ġesù daħal Ġerusalemm u poġġa lilu nnifsu fiċ-ċentru tal-attenzjoni.
- Ġrajja li turi Hu min kien jgħid li hu: Il-Messija ta’ Alla, il-Midluk ta’ Alla. Kieku Ġesù kkuntenta ruħu li jsostni li hu profeta, probabbilment ma kienx imut. Imma ma kienx sodisfatt jekk mhux bl-ogħla post. Il-poplu kellu jilqgħu bħala sultan, jew ma jilqgħu xejn.
- Ġrajja li turi x’sejħa ried jagħmel. Huwa ma riedx li jkun sultan fuq tron; imma sultan tal-qlub. Daħal Ġerusalemm riekeb felu ta’ ħmara. Fid-dinja tagħna tal-Punent, il-ħmar huwa annimal disprezzat; imma fil-Lvant Nofsani, il-ħmar huwa meqjus bħala annimal nobbli. Kemm-il darba s-slaten kienu jirkbu fuq ħmar; imma meta kienu jagħmlu dan, kien ikun sinjal li ġew bil-paċi. Kienu jirkbu ż-żwiemel fil-gwerra. Mela meta Ġesù rikeb fuq ħmar, huwa ried juri li kien sultan ta’ paċi. Kien qed juri li kien sultan li jġib il-paċi… li ma ġiex biex jeqred imma biex iħobb; ma ġiex biex jikkundanna imma biex jgħin; ma ġiex bil-qawwa tal-armi imma bil-qawwa tal-imħabba.
Kienet l-aħħar stedina ta’ Ġesù lill-bnedmin biex jiftħu mhux il-palazzi, imma qalbhom għalih.