Huwa jien li qed nopponi is-Saltna tiegħek Mulej?

Ħadd il-Palm

Isaija 50:4-7; Salm 21; Filippin 2:6-11; San Luqa 22:14-23:56

Aqra: Meta waslu fil-post jgħidulu l-Qorriegħa, sallbuhom hemm, lilu u lill-ħatja, wieħed fuq il-lemin tiegħu u l-ieħor fuq ix-xellug….Imbagħad Ġesu’ għajjat għajta kbira u qal: “Missier, f’idejk jien nerħi ruħi”. U kif qal hekk, ħarġet ruħu.

Riflessjoni: Nhar Ħadd il-Palm tibda l-Ġimgħa Mqaddsa. Għaliex Ġesu’ kellu jmut? X’iġifieri li huwa ssagrifika ħajtu għalina? Minn liema jasar ħelisna meta ħalla lilu nnifsu f’idejn dawk li sallbuh fuq is-salib? Ir-raġuni għal din il-mibegħda li kellhom għalih dawk li salbuh kienet għax Huwa kien jidher bħala d-dawl tad-dinja. Ir-raġġi ta’ dan id-dawl tiegħu li daħlu fid-dlam tad-dinja kienu qawwija. Dawn huma raġġi li nifdu l-qalb ta’ nies sempliċi, u imlewhom bil-ferħ u t-tama, imma dejqu nies oħra. Ġesu’ ppropona wiċċ ġdid ta’ Alla. Mhux iktar Alla li jaqta s-sentenzi, imma Alla li jsalva lil kull persuna. Huwa ppropona wiċċ ġdid tal-bniedem, billi qaleb il-valuri ta’ din id-dinja: għalih il-bniedem kbir mhuwiex dak li jirbaħ u jiddomina, imma dak li jservi lill-ħutu l-bnedmin. Ippropona reliġjon ġdida. Mhux iktar reliġjon ta’ riti, imma reliġjon “fl-ispirtu u l-verita’”. Ippropona soċjeta’ ġdida fejn l-ewwel jiġu il-foqra, id-dgħajfa u l-emarġinati. Ġesu’ ma fittix li jmut fuq is-salib, imma biex jevita din il-mewt ħarxa, kien ikollu jirrinunzja dawn il-proposti kollha, kien ikollu jgħalaq ħalqu, jadatta ruħu mal-mentalita’ ta’ żmienu, iċedi għar-rebħa tal-ħażen, u jabbanduna għal dejjem il-bnedmin f’idejn il-“prinċep ta’ din id-dinja”. Kieku għamel hekk, kien ikun falla fil-missjoni tiegħu. Matul din il-Ġimgħa Mqaddsa m’aħniex mistiednin li noqogħdu nitnikktu għall-mewt ta’ Ġesu’, imma li niċċelebraw il-ħelsien li ġabilna bl-għotja ta’ ħajtu lilna.

Itlob: O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, int lilna l-bnedmin tajtna eżempju ta’ umilta’ meta ridt li s-Salvatur tagħna jsir bniedem bħalna u jieħu l-mewt tas-salib; fil-ħniena tiegħek, agħtina li s-sabar tiegħu jkun ta’ tagħlim għalina u li jistħoqqilna nissieħbu miegħu fil-qawmien għall-ħajja

Agħmel: Matul din il-ġimgħa mqaddsa ħa nirriflettu u nistaqsu lilna nfusna: “Huwa jien li qed nopponi is-Saltna tiegħek Mulej? Huwa jien li mhux qed naċċetta il-wiċċ ġdid ta’ Alla, ir-reliġjon il-ġdida, il-wiċċ ġdid tal-bniedem, u s-soċjeta’ l-ġdida li pproponejt int?”

 

Scroll to Top