L-16-il Ħadd matul is-Sena Liturġika B
Ġeremija 23:1-6; Salm 22; Efesin 2:13-18; Mark 6:30-34
Aqra’: F’dak iż-żmien, l-appostli reġgħu ġew ħdejn Ġesù u qalulu kull ma kienu għamlu u għallmu. U hu qalilhom: “Ejjew miegħi intom biss weħidkom f’xi post imwarrab, u strieħu ftit”. Għax tassew, kien hemm ħafna nies ġejjin u sejrin, u anqas żmien biex jieklu ma kienu jħallulhom. Marru mela bid-dgħajsa weħidhom lejn post imwarrab, imma n-nies rawhom sejrin; kienu ħafna dawk li għarfuhom, u telqu jiġru ’l hemm bil-mixi, nies mill-ibliet kollha, u waslu qabilhom. Xħin niżel l-art mid-dgħajsa ra kotra kbira ta’ nies u tħassarhom, għax kienu qishom nagħaġ bla ma għandhom ragħaj, u qabad jgħallimhom ħafna ħwejjeġ.
Riflessjoni: Santu Wistin darba qal: Ħu ħsieb ġismek daqs li kieku ser tibqa’ tgħix għal dejjem; u ħu ħsieb ruħek daqs li kieku ser tmut għada”. Għandna bżonn nieħdu ħsieb lilna nfusna b’mod sħiħ dejjem, anke billi nfittxu li jkollna ħin ta’ mistrieħ. Il-vaganzi u l-mistrieħ mhuwiex ħela ta’ żmien, iżda bżonn. Ġisimna għandu bżonn il-mistrieħ, moħħna għandu bżonn il-mistrieħ, l-ispirtu tagħna għandu bżonn il-mistrieħ. Ngħidlek li l-ħin liberu huwa ħin sabieħ, anzi ħin prezzjuż. Fil-ħin tal mistrieħ, inti tista ssir taf aħjar lilek innifsek, lil dawk ta’ madwarek, lil Alla. Il-ħin tal-mistrieħ qatt m’għandu jkun ħin li fih titgħażżen. Bħala bniedem Ġesu’ kien iħoss l-għejja u allura l-bżonn tal-mistrieħ, iżda Ġesu’ qatt ma tgħażżen. Il-ħin tal-mistrieħ tiegħu kien jgħaddieħ fil-komunikazzjoni m’ Alla l-Missier u anki f’komunikazzjoni ma’ l-oħrajn. Aħseb ftit fuq dawn l-eżempji mill-vanġelu: “Ejjew miegħi intom biss weħidkom f’xi post imwarrab, u strieħu ftit.” (Mark 6,31) “Minnufih ġagħal id-dixxipli tiegħu jitilgħu fuq id-dgħajsa u jmorru x-xatt l-ieħor qablu, lejn Betsajda, sakemm hu jibgħat in-nies. Wara li sellmilhom u ħalliehom, tala’ fuq l-għoljiet biex jitlob”. (Mark 6:45-46) “Kien għall-ħabta tas-sitt siegħa, u Ġesù, għajjien kif kien mill-mixi, qagħad bilqiegħda ħdejn il-bir”. (Ġwanni 4:6) Ikompli imbagħad id-djalogu twil bejn Ġesu’ u s-samaritana (Ara Ġwanni 4:7-30).
Itlob: Fil-ħin tal-mistrieħ tista’ tikkomunika iżjed mal-oħrajn u ma’ Alla: “L-appostli reġgħu ġew ħdejn Ġesù u qalulu kull ma kienu għamlu u għallmu”.
Agħmel: Tliet suġġerimenti biex tapprofitta ruħek iżjed mill-ħin liberu tiegħek: nissuġerilkom tisimgħu tliet ilħna:
- Ipprova isma’ l-leħen tan-natura, jiġifieri l-leħen ta’ dak kollu sabieħ li tara madwarek.
- Ipprova isma’ l-leħen tal-kuxjenza…il-leħen ta’ Alla ġewwa fik.
- Ipprova isma’ l-leħen ta’ l-oħrajn speċjalment tal-fqar u ta’ dawk inqas ixxurtjati minnek.