Ir-Raba’ Ħadd tar-Randan Sena C
Ġożwe’ 5,9a,10-12; Salm 33; 2 Kor 5,17-21; Luqa 15,1-3,11-32
Aqra: Mela ibnu l-kbir kien fl-għalqa. Huwa u rieġa’ lura, kif wasal qrib id-dar sama’ daqq u żfin. Sejjaħ wieħed mill-qaddejja u staqsieh dak x’kien. Dak qallu: ‘Hawn ħuk u missierek qatillu l-għoġol l-imsemmen, għax raġa’ kisbu qawwi u sħiħ’. Hu inkorla, u ma riedx jidħol ġewwa, iżda missieru ħareġ jitolbu jidħol. Iżda hu qal lil missieru: ‘Ara, ili dawn is-snin kollha naqdik, kelmtek ma ksirthielek qatt, u kieku qatt tajtni gidi lili biex nagħmel ikla u nifraħ ma’ ħbiebi! Imbagħad jiġi dan ibnek, li belagħlek ġidek man-nisa żienja, u lilu toqtollu l-għoġol l-imsemmen’. Qallu missieru: ‘Ibni, inti dejjem miegħi, u kulma hu tiegħi huwa tiegħek. Imma kien meħtieġ li nagħmlu festa u nifirħu, għax dan ħuk kien mejjet u raġa’ qam, kien mitluf u nstab!’”.
Riflessjoni: Min jaħseb li hu “tajjeb” iktar minn ħaddieħor jorbot idejn Alla. Il-kburi jorbot idejn Alla u ma jħalliħx iħenn għalih. Alla jaħdem ma’ l-umli. Imma llum anke jekk taħseb li inti “tajjeb” iktar minn ħaddieħor, qed tasallek l-Aħbar it-Tajba. Anke jekk għandek il-mentalita’ li jekk tagħmel it-tajjeb tieħu l-premju u jekk tagħmel il-ħażin trid tieħu l-kastig, qed tasallek l-Aħbar it-Tajba. Bħalek kien jaħsibha l-Iben il-kbir tal-parabbola. Imma dan mhux il-mod kif jaħsibha Alla. Imma llum qed tara kif il-Missier Alla huwa ħanin miegħek ukoll, u ser joħroġ Hu jiltaqa miegħek. U minkejja li inti ħa tgħidlu li Huwa nġust meta jitratta lil- “ħażin” bħal ma jitratta lilek, Hu ser jgħidlek dak il-kliem tant sabieħ: “Ibni inti dejjem miegħi u li huwa tiegħi huwa tiegħek. Imma kien meħtieġ li nagħmlu festa u nifirħu, għax dan ħuk kien mejjet u reġa’ qam, kien mitluf u nstab”. Ma nafux it-tifel il-kbir x’għamel…daħalx għal festa jew le. Imma inti li taħseb li inti “tajjeb”, aktar mill-oħrajn, inti x’ser tagħmel? Ħa tibqa tgħir, tirrabbja, tippretendi jew ħa tifrah li wieħed minn ħutek ġie lura għand il-Missier?
Itlob: Ħarsu lejh u jiddi bil-ferħ wiċċkom, u ma jkollkomx għax tistħu. Dan il-fqajjar sejjaħ u l-Mulej semgħu, u mid-dwejjaq tiegħu kollha ħelsu. (Salm 33)
Agħmel: Hi x’inhi s-sitwazzjoni li tinsab fiha: jekk inti l-bogħod minn Alla jew taħseb li inti “tajjeb” aktar minn ħaddieħor…agħmel kuraġġ, qum u mur lura għand Alla il-Missier li jismu Ħniena, ħalli dduq u tara kemm hu tajjeb il-Mulej!