L-Epifanija tal-Mulej
Isaija 60,1-6; Salm 71; Efesin 3, 2-6; San Mattew 2:1-12
Aqra’: Meta twieled Ġesù f’Betlehem tal-Lhudija, fi żmien is-sultan Erodi, xi maġi mil-Lvant ġew Ġerusalemm jistaqsu: “Fejn hu dak li twieled sultan tal-Lhud? Għax rajna l-kewkba tiegħu tielgħa, u ġejna nqimuh”….. Kif raw il-kewkba mtlew b’ferħ kbir tassew. Meta mbagħad daħlu d-dar u raw lit-tifel ma’ ommu Marija, inxteħtu fl-art iqimuh; fetħu t-teżori tagħhom u offrewlu rigali deheb, inċens u mirra.
Riflessjoni: Il-kewkba li jitkellem fuqha San Mattew fl-Evanġelju tiegħu ma tinstabx fis-smewwiet imma fil-Bibbja: “Qiegħed naraha, imma mhux għalissa; inħares lejha, imma mhux fil-qrib. Għad titla’ kewkba minn Ġakobb, u jqum xettru minn Iżrael; u jkisser ngħas Mowab, u jeqred l-ulied kollha ta’ Set. Edom ikun wirtu; Xegħir wirt l-għedewwa tiegħu; Iżrael jagħmel l-għeġubijiet ta’ ħila. Jaħkem bniedem ġej minn Ġakobb, u jeqred il-fdal minn Għir.” (Ktieb tan-Numri 24:17-19).Hekk tkellem Balgħam, “l-oraklu ta’ bniedem b’għajnejh miftuħa, l-oraklu ta’ wieħed jisma’ kliem Alla, u jara dehret Alla li jista kollox” (Numri 24, 3), xi 1200 sena qabel ma twieled Kristu. Minn dak iż-żmien, il-Lhud bdew jistennew it-tlugħ ta’ din il-kewkba tiddi li ma kienet ħadd ħlief il-Messija nnifsu. Ġesu’ mela huwa l-kewkba! San Mattew kien qed jikteb l-Evanġelju tiegħu fis-sena 80 A.D. Kien qed jara li l-pagani kienu qed jidlu bi ħġarhom fil-Knisja. Huma għarfu u aduraw ilKewkba, waqt li l-Lhud, li ienu qed jistennew għall-ħafna sekli ċaħduh. L-istorja tal-maġi hija mela “parabola” ta’ dak li kien qed jiġri fil-komunita’ nisranija fi tmiem ta’ l-ewwel seklu. Il-pagani kienu għarfu fit-tarbija ta’ Betlem is-sultan u Alla tagħhom u offrewlu rigali. Il-Maġi huma simbolu tan-nies madwar id-dnja li huma mmexxija mid-dawl ta’ Kristu. Huma x-xbieha tal-Knisja, magħmula minn-nies ta’ kull razza, tibu, ilsien u nazzjon. Li tidħol fil-knisja ma jfissir li tiċħad l-identita tegħek Ma jfissirx li tissottometti ruħek għall-uniformita’ falza u inġusta. Kull persuna u kull poplu iżommu l-karatteristiċi kulturali tagħhom. Dan huwa l-mod kif il-Knisja tarrikkixxi ruħha. Ħadd m’hu sinjur biżżejjed li m’għandu bżonn xejn u ħadd ma huwa tant fqir li m’għandu xejn x’joffri.
Itlob: Mulej, inti m’għandekx fruntieri, barrieri, kulturi. Inti trid issir wirt il-bnedmin kollha akkwist ta’ kull min ifittxek. Mulej nixtieq narak ċar, ħa nħobbok iżjed, naqdik aħjar, nintrabat miegħek b’aktar qawwa!
Agħmel: Jekk il-kewkba hi Ġesu’ nnifsu, għandna nneħħuha mill-presepji tagħna? Le! Ħa nikkontemplaw l-kewkba u nuruha lit-tfal tagna, waqt li nispjegawlhom li l-kewkba mhijiex kewkba fis-smewwiet, imma hija Ġesu’. Huwa d-dawl li jdawwal lil kull bniedem (San Ġwann 1:9). Huwa “il-Kewkba tiddi ta’ filgħodu” (Apokalissi 22, 16)