Is-Seba’ Ħadd matul is-Sena C
1 Samwel 26:2.7-9.12-13.22-23; Salm 102; 1 Korintin 15:45-49; Luqa 6:27-38
Aqra’: F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Imma lilkom, li qegħdin tisimgħuni, ngħidilkom: Ħobbu l-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid lil min jobgħodkom, bierku lil min jisħetkom, itolbu għal min iżeblaħkom. Min jagħtik bil-ħarta fuq naħa waħda, dawwarlu wiċċek ħalli jagħtik fuq in-naħa l-oħra; min jeħodlok il-mantar, anqas il-libsa ma għandek tiċħadlu. Agħti lil kull min jitolbok; u min jeħodlok xi ħaġa tiegħek, titlobhilux lura. Kif tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom, hekk ukoll agħmlu intom lilhom. Jekk intom tħobbu lil min iħobbkom, xi ħlas jista’ jkollkom? Għax il-midinbin ukoll iħobbu lil min iħobbhom. U jekk tagħmlu l-ġid lil min jagħmel il-ġid lilkom, xi ħlas jista’ jkollkom? Għax dan jagħmluh saħansitra l-midinbin. U jekk tisilfu xi ħaġa lil min tistennewh iroddhielkom lura, xi ħlas jista’ jkollkom? Il-midinbin ukoll jisilfu lill-midinbin, bil-ħsieb li jieħdu lura daqshekk ieħor mingħandhom. Imma intom ħobbu l-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid, isilfu bla ma tistennew xi ħaġa lura, u l-ħlas tagħkom ikun kbir; u tkunu wlied Alla l-Għoli, li hu tajjeb mal-ingrati u l-ħżiena. Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom. Tiġġudikawx, u ma tkunux iġġudikati; tikkundannawx, u ma tkunux ikkundannati; aħfru, u ssibu l-maħfra; agħtu, u jingħatalkom. Kejl tajjeb, marsus, mheżżeż sewwa u mburġat iqegħdulkom f’ħoġorkom; għax bl-istess kejl li tkejlu intom jitkejjel lilkom”.
Riflessjoni: Meta tħobb lil min jagħmillek il-ħsara ifisser li tkun qed tgħinu biex jinduna bl-iżball tiegħu u jinbidel. Mhux faċli bħala bnedmin li nagħmlu dan. Huwa għalhekk li Ġesu’ jitlob minna mhux biss imħabba, li nagħmlu t-tajjeb, li nbierku, imma wkoll li nitolbu. Hemm bżonn nitolbu għal min jagħmlilna d-deni. Meta nagħmlu dan inkunu qed niddisponu qalbna biex tissaffa minn kull forma ta’ mibegħda. Nitolbu lil Alla biex jimla bit-tajjeb lil min jagħmel il-ħażin; u meta jirnexxilna nitolbu hekk, il-qalb tagħna tiġi ntunata mal-qalb tal-Missier tas-Sema “li jtella x-xemx tiegħu sew fuq il-ħżiena u sew fuq it-tajbin, u jniżżel x-xita sew fuq min hu tajjeb u kemm fuq min mhuwiex” (Mt 5:45).
Dawk li jsiru ntunati mal-ħsibijiet, mas-sentimenti, mal-imġiba ta’ Alla, ma jikkundannawx lil ħuthom. Il-Missier Alla – li jaf x’hemm fil-qlub – ma jikkundannax. Dawk li jħarsu lejn persuna kif iħares Alla l-Missier, juru ħniena ma’ dawk li jagħmlu l-ħażen, u jimpenjaw ruħhom li jġibuhom lura lejn is-sewwa.
Itlob: Imliena Mulej bil-qawwa tiegħek, biex għall-imħabba tiegħek nuru ħniena ma kull min idejjaqna. Għinna naqduk dejjem b’qalb kbira.
Agħmel: Tiġġudikawx, u ma tkunux iġġudikati; tikkundannawx, u ma tkunux ikkundannati; aħfru, u ssibu l-maħfra; agħtu, u jingħatalkom.