It-13-il Ħadd matul is-Sena Liturġika B
Għerf 1,13-15; 2, 23-24; Salm 29; 2 Korintin 8,7.9.13-15; Mark 5, 21-43
Aqra’: U kien hemm mara li kienet ilha tnax-il sena sħaħ tbati bit-tnixxija tad-demm….Meta semgħet b’Ġesù, ġiet qalb il-folla, resqet minn warajh u messitlu l-mantar, għax qalet: “Jekk immiss imqar il-mantar tiegħu nkun imfejqa”. F’daqqa waħda t-tnixxija tad-demm waqfitilha, u ġewwa fiha ħasset li kienet fieqet mill-marda tagħha. Ġesù minnufih intebaħ bil-qawwa li ħarġet minnu, u dar lejn il-kotra u staqsa: “Min messli l-mantar?”……Imbagħad il-mara, tirtogħod bil-biża’ għax għarfet x’kien ġralha, resqet, inxteħtet f’riġlejh u stqarritlu s-sewwa kollu. U qalilha: “Binti, il-fidi tiegħek fejqitek; mur bis-sliem, u kun imfejqa mill-marda tiegħek”.
Riflessjoni: Il-mara li kienet tbati bit-tnixxija tad-demm emmnet li jekk hi tmiss imqar il-mantar ta’ Ġesu’ hija tkun imfejqa. U hekk ġara. Minn Ġesu’ toħroġ qawwa ta’ ħajja, imma mhux kull min imiss miegħu jirċevieha. Fil-silta tal-lum naqraw li madwaru kien hemm folla kbira ta’ nies. Dawn ma kinux għedewwa tiegħu, imma dixxipli, nies li kienu ħafna viċin tiegħu, li probabilment kien qed jinbuttaw fuqu. Madanakollu Ġesu’ jgħid li persuna waħda ‘messitu’. Kienet biss il-mara marida li messitu ‘bil-fidi’. “Binti l-fidi tiegħek fejqitek” qalilha, inti biss, fost dawn in-nies kollha, kont kapaċi tirċievi id-don ta’ Alla. Il-folla tirrapreżenta lilna l-insara tal-lum, li aħna qrib l-Imgħallem. Għandna l-opportunita’ li nisimgħu l-Kelma tiegħu u ‘immissuh’ fis-sagramenti, speċjalment fl-Ewkaristija. Jekk il-ħajja tagħna tibqa’ ma tinbidilx, jekk il-‘mard spiritwali’ tagħna ma jfiqx, u l-vizzji, id-dnubiet dejjem jibqgħu l-istess, jekk il-karattru diffiċli ma jinbidilx, u l-kliem li jweġġa ma jibdiex jonqos, ifisser li nkunu bqajna ‘folla’ li tinġabar madwar Kristu mingħajr qatt ma ‘immissuh’. Ikollna biss kuntatt esterjuri miegħu; kliemu ikun sempliċement ħoss li jidħol fil-widnejn, imma ma jasalx sal-qalb. Hija il-fidi li ssalva.
Itlob: Ismagħni, Mulej, u ħenn għalija; kun, Mulej, l-għajnuna tiegħi. Inti bdilt fi zfin l-għali tiegħi, Mulej, Alla tiegħi, infaħħrek għal dejjem!
Agħmel: Ġesu’ qed jgħidlek: “Tibżax, biss inti emmen”