Il-Qawmien tal-Mulej mil-Imwiet
Atti 10:34, 37-43; Salm 117; Kolossin 3:1-4; Ġwanni 20:1-10
Aqra’: Pietru u d-dixxiplu l-ieħor ħarġu u ġew ħdejn il-qabar. It-tnejn ġrew flimkien, imma d-dixxiplu l-ieħor ħaffef aktar minn Pietru u laħaq qablu ħdejn il-qabar. Tbaxxa, u ra l-faxex ta’ l-għażel imqiegħda hemm, iżda ma daħalx. Mbagħad wasal warajh Xmun Pietru, daħal fil-qabar, u ra l-faxex ta’ l-għażel imqiegħda hemm, u l-maktur li kien madwar rasu; dan ma kienx mal-faxex, imma mitwi u mqiegħed f’post għalih. Mbagħad id-dixxiplu l-ieħor, li kien wasal l-ewwel ħdejn il-qabar, daħal hu wkoll, ra, u emmen. Sa dak in-nhar kienu għadhom ma fehmux l-Iskrittura li tgħid li kellu jqum mill-imwiet. Mbagħad id-dixxipli reġgħu lura lejn sħabhom.
Riflessjoni: L-aħħar sentenza ta’ din is-silta tal-Evanġelju: “Mbagħad id-dixxipli reġgħu lura lejn sħabhom”, tagħti l-impressjoni li wara li raw is-sinjali tal-Qawmien tal-Mulej mill-imwiet, dawn iż-żewġ dixxipli reġgħu lura għar-rutina tal-ħajja tas-soltu…qisu ma nbidel xejn. Imma mhux hekk…. l-verita’ hija differenti. Veru li reggħu lura ma’ sħabhom għall-ħajja ta’ qabel, imma issa kienu mmexxija minn dawl ġdid u mwieżna minn tama ġdida. Dawn iż-żewġ dixxipli kellhom issa jkunu xhieda tal-Qawmien mill-Mulej. Ix-xhud huwa dak li jista’ jikkonferma li l-ħajja tiegħu inbidlet u li ħadet sens meta kienet mdawla mill-ġrajja tal-Għid. Ix-xhud huwa dak li għamel l-esperjenza li l-fidi tiegħu fi Kristu ħaj tagħti sens u ddawwal il-mumenti ta’ ferħ u l-mumenti diffiċli li jgħaddi minnhom.
Itlob: Il-leminija tal-Mulej ‘il fuq merfugħa, il-lemija tal-Mulej għamlet ħwejjeġ ta’ ħila!. Ma mmutx, imma nibqa’ ngħix, u nħabbar l-għemejjel tal-Mulej (Salm 117)
Agħmel: “Id-dixxiplu l-ieħor” li jissemma fis-silta tal-Vanġelu jista jkun jien u int. F’kull proġett li nagħmlu..meta nixtru, inbiegħu, nitkellmu ma’ xulxin, naqsmu xi wirt, nagħżlu li jkollna xi tarbija oħra…ħa nagħmlu kollox fid-dawl tal-Qawmien ta’ Kristu li miegħu “ngħaddu mill-mewt għall-ħajja, mid-dnub għall-grazzja, mir-rabja għall-paċi” (L-Arċisqof Charles J. Scicluna fl-omelija tal-quddiesa ta’ Ħadd il-Palm 28 ta’ Marzu 2021).