Il-Ħames Ħadd matul is-Sena C
Isaija 6: 1-2a.3-8; Salm 137; 1 Korintin 15:1-11; San Luqa 5:1-11
Aqra’: Darba l-kotra bdiet tross fuq Ġesù biex tisma’ l-kelma ta’ Alla. Hu kien qiegħed f’xatt l-għadira ta’ Ġennesaret. U ra żewġ dgħajjes qegħdin max-xatt; is-sajjieda kienu niżlu minn fuqhom u kienu qegħdin jaħslu x-xbiek. Tela’ fuq waħda minnhom, li kienet ta’ Xmun, u talbu jaqla’ kemmxejn ’il barra mill-art; imbagħad qagħad bilqiegħda u beda jgħallem lin-nies mid-dgħajsa. Meta temm li kellu jgħid, qal lil Xmun: “Aqdef ’il barra fil-fond, u kalaw ix-xbiek tagħkom għas-sajd”. Wieġbu Xmun u qallu: “Mgħallem, għamilna lejl sħiħ nitħabtu u ma qbadna xejn. Imma, la qiegħed tgħid int, ħa nkala x-xbiek”. Hekk għamlu, u qabdu kotra hekk kbira ta’ ħut li x-xbiek tagħhom kien għoddu nqasam. Għalhekk għamlu sinjal lil sħabhom li kienu fid-dgħajsa l-oħra biex jiġu jgħinuhom. Dawk ġew, u mlew iż-żewġ dgħajjes hekk li għal ftit ma għerqux. Xmun Pietru, kif ra dan, inxteħet f’riġlejn Ġesù u qallu: “Tbiegħed minni, Mulej, għaliex jiena raġel midneb!”. Għax baqgħu tassew mistagħġba, kemm hu u kemm dawk kollha li kienu miegħu, għal dik il-qabda ħut li qabdu. U hekk ukoll ġralhom Ġakbu u Ġwanni, ulied Żebedew, li kienu sħab Xmun. Imbagħad Ġesù qal lil Xmun: “Tibżax; minn issa ’l quddiem tkun taqbad in-nies”. Meta mbagħad ressqu d-dgħajjes mal-art, telqu kollox u marru warajh.
Riflessjoni: Pietru u sħabu kienu sajjieda tas-sengħa. Din id-darba, minkejja lejl jistagħdu ma qabdu xejn. Pietru ħassu deluż, diżappuntat. Ġesu’ qal lil Pietru: “Aqdfu ‘ l barra fil-fond u kalaw ix-xbiek”. Pietru obda. Ma strieħx fuq is-sengħa tiegħu, l-anqas fuq il-kapaċita’ tiegħu, imma strieħ fuq il-kelma ta’ Alla: “la qiegħed tgħid int” nagħmel hekk. Dak inhar Pietru mexa bil-għaqal. Dak inhar il-qabda tal-ħut kienet hekk kbira li mlew żewġ dgħajjes u kienu għoddhom se jegħrqu. Biex naraw il-mirakli irid ikollna doża ta’ umilta’. Min jaħseb li jaf kollox u dejjem, sejjer imqarraq. Il-bniedem għandu bżonn ‘l Alla. In-nisrani jrid ikun bniedem differenti mill-oħrajn…irid imur għas-“sajd” bħalma għamel Pietru din id-darba mistrieħ fuq il-Kelma ta’ Alla. Ħafna nies ma jemmnux fil-mirakli; preċiżament għax jemmnu biss fis-“sajd” tagħhom. Trid tkun kuraġġuż biex tgħid lil Ġesu’: “ladarba qegħed tgħid int, inkala x-xbiek”. Pietru qalha. U x’kien ir-riżultat? Qabda kbira ta’ ħut!
Itlob: Mulej ikkwitana mill-ġirja li qatgħetilna nifisna, u għallimna nistrieħu ftit fik, naħdmu bir-ritmu tiegħek, “nistadu” meta tgħid int. Imbagħad, ix-xbiek jimtela, Mulej u ma nkunux qed nitħabtu għalxejn.
Agħmel: Illum rajna t-tiġdid ta’ Pietru. Pietru beda jħares fid-direzzjoni t-tajba. L-ikbar miraklu fis-silta tal-vanġelu tal-lum mhux il-qabda tal-ħut imma l-bidla tal-qlub ta’ nies bħal Pietru, Ġakbu u Ġwanni. U int? “Toqgħodx tistenna biex iddur lejn il-Mulej, u tħallix minn jum għall-ieħor” (Sirak 15,6).