Ġen 9:8-15; Salm 24; 1 Pietru 3:18-22; Mark 1:12-15
Aqra’: “Inqiegħed il-qaws tiegħi fis-sħab, u jkun sinjal tal-patt bejni u bejn l-art. Meta niġma’ s-sħab fuq l-art u tfeġġ il-qawsalla fis-sħab, jien niftakar fil-patt bejni u bejnkom u bejn kull ruħ ħajja f’kull laħam; ma jkunx hemm iżjed l-ilma tad-dulluvju biex jeqred kull laħam ħaj”. “
“Iż-żmien huwa mitmum, u s-Saltna ta’ Alla waslet; indmu u emmnu fl-Evanġelju”
Riflessjoni: L-awtur sagru tal-Ktieb tal-Ġenesi juża l-istorja tad-dulluvju ta’ żmien Noe, mhux biex jgħallem li Alla jitlef il-paċenzja u jikkastiga – Alla qatt ma kkawża dulluvji u l-ebda diżastru ieħor – imma biex iħeġiġna biex ma naqtgħux qalbna quddiem il-ħażen li jeżisti fid-dinja. Anke meta l-ħażen ikun jidher li qabeż kull limitu, il-bniedem li għandu fidi f’ Alla jibqa’ jittama, għax jaf li Alla ddeċieda li joħloq umanita’ ġdida, mhux mill-irmied tal-bnedmin, imma mit-tkissir ta’ soċjeta’ ħażina li bnew il-bnedmin. Alla ma jaqtax qalbu quddiem il-ħażen. Huwa jsewwi u jibni mill-ġdid. Jibda umanita’ ġdida u jwegħda biss affarijiet tajba u kull barka: “Jien nagħmel l-patt tiegħi magħkom, li qatt iżjed ma jinqered, ebda laħam ħaj, bl-ilmijiet td-dulluvju; u qatt iżjed ma jkun dulluvju biex iħarbat l-art”. Alla ma jaħlifx li huwa ma jikkastgax lill-bnedmin bil-kundizzjoni li ma jagħmlux iktar dnubiet. Imma jintrabat li jbierek dejjem u f’kull każ. Dan huwa messaġġ ta’ faraġ li l-Bibbja twassal sa mll-bidu tal-ewwel kapitli tagħha: Alla ma joqgħodx jistenna lill-bnedmin isiru tajbin qabel ma jkun ġeneruż magħhom. Jilqa’ l-persuna kif inhi, u bl-imħabba, jibdilha f’ħolqien ġdid.
Itlob: “Ħallini , Mulej, niftaħ fommi quddiem il-ħniena tiegħek, għad li jien trab u rmied. Ħallini, għalhekk, nitkellem, għaliex hija l-ħniena tiegħek li magħha ser nitħaddet u mhux ma’ bniedem li jiddieħak bija. Aktarx li int ukoll għall-ewwel tiddieħak bija, iżda wara ddur lejja u tħenn għalija” (Santu Wistin, Stqarrijiet 1, 6)
Agħmel: Fiduċjużi f’dan Alla li jersaq lejna aħna kif aħna, ħa nilqgħu mela l-istedina ta’ Ġesu’ fl-Evanġelju: Is-Saltna ta’ Alla waslet; indmu u emmnu fl-Evanġelju”. Ħa nagħmlu dan billi fir-Randan niċċaħħdu minn xi ħaġa biex nagħtuha lill-fqar, naqraw u nirriflettu minn qabel il-qari li jkun ser jinqara fil-quddiesa, nippruvaw nagħmlu att ta’ karita’ kuljum, nitolbu għall-proxxmu tagħna, u nużaw il-meżżi kollha li jistgħu iqarrbuna iktar lejn il-ħniena ta’ Alla.