Il-Magħmudija tal-Mulej
Isaija 40:1-5, 9-11; Salm 103; Titu 2:11-14; 3:4-7; San Luqa 3:15-16, 21-22
Aqra’: F’dak iż-żmien, il-poplu kien qiegħed jistenna ħerqan, u kulħadd kien jistaqsi lilu nnifsu dwar Ġwanni, jekk kienx hu l-Messija. Għalhekk Ġwanni qabad u qal lil kulħadd: “Jien, ngħid għalija, ngħammidkom bl-ilma, imma ġej wieħed aqwa minni, li ma jistħoqqlix inħollu l-qfieli tal-qorq tiegħu. Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar”. Ġara li, wara li tgħammed il-poplu kollu, Ġesù tgħammed ukoll u, waqt li kien qiegħed jitlob, is-smewwiet infetħu, u niżel l-Ispirtu s-Santu u deher fuqu fis-sura ta’ ħamiema. U mis-sema ġie leħen jgħid: “Inti Ibni l-għażiż; fik sibt l-għaxqa tiegħi”.
Riflessjoni: Kont taf li fil-magħmudija, il-Missier jgħidlek l-istess kliem li nstema’ jgħid lil Ġesu’: “Inti ibni l-għażiż. Fik insib l-għaxqa tiegħi”. Dan għaliex fil-magħmudija aħna nsiru ħolqien ġdid: nilbsu ‘l Kristu u nsiru wlied Alla! Il-magħmudija tagħtina ħajja ġdida; għalhekk nitgħammdu bl-ilma, sinjal ta’ element li jnaddaf, iżda fuq kollox li jagħti l-ħajja: il-ħajja tal-grazzja ta’ Alla. Din id-dinjita’ ta’ wlied Alla ġġib magħha wkoll missjoni x’naqdu fid-dinja: insiru qaddejja ta’ Alla fost ħutna l-bnedmin. Aħna fid-dmir li nisimgħu l-Kelma ta’ Alla u nħaddmuha fina, biex imbagħad ngħadduha lill-oħrajn. Ħajjitna u d-dinja li fiha ngħixu ġew imqaddsin mill-Iben ta’ Alla; iżda aħna rridu nwettqu l-missjoni tagħna billi nressqu jew noffru lilna nfusna u l-ħolqien kollu lejn l-għajn tiegħu li hu Alla.
Itlob: “Waqt li kien qiegħed jitlob”. It-talba ta’ Ġesu’ ssir komunjoni, hekk kif il-Missier ikellmu u jafferma min kien. Ħa nitolbu aħna wkoll: Missier, minkejja l-limitazzjonijiet tagħna, ħa jkun jixirqilna li nibqgħu nkunu l-għaxqa tiegħek, ulied tassew għażiż tiegħek, il-maħbubin tiegħek. Agħmel li Ibnek Ġesu’ jkun l-għaxqa tagħna wkoll, it-teżor tagħna, l-għana ta’ qalbna.
Agħmel: Għix il-magħmudija tiegħek. U dwarek ukoll il-Missier ikun jista jgħid: “Dan hu ibni l-għażiż li fih insib l-għaxqa tiegħi”