Ikkwieta kullma hemm ġewwa fija Mulej!

Iskot…u kun af li jien Alla. L-Istrittura tizgurana li jekk ‘nisktu’/’nikkwietaw ġewwa fina’…nsiru nafu lil Alla! Imma din iktar faċli tgħidha milli tagħmilha! Blaise Paschal darba qal: “Il-mizerji kollha tal-bniedem, ġejjin mill-fatt li ħadd ma jaf joqgħod bilqiegħda ‘kwiet’ għal siegħa.” Din li noqgħodu ‘kwieti’ (achieving stillness) donnha hi ikbar minna u f’ċertu sens tħallina b’ċertu dilemma, għax minn naħa ngħidu li għandna bzonn il-kwiet biex insibu lil Alla; u minn naħa l-oħra nafu li għandna bżonn l-għajnuna ta’ Alla biex insibu l-kwiet.  Minkejja dan kollu…nixtieq noffri talba għall-paċi ġewwa fija:

 Alla tal-paċi u tal-kwiet…

 

  • Sikket/ikkwieta ġo fija t-taqlib taż-żgħożija tiegħi: sikket/ikkwieta il-ġuħ li rrid nkun kullimkien, li nagħmel kuntatt ma kulħadd, li rrid induq u ngawdi kollox u li tant drabi dan kollu, ma jħallunix fil-paċi biex norqod. Sikket/ikkwieta ġo fija l-ħolm kbir li bihom nkun rrid nispikka u nkun speċjali. Tini l-grazzja li ngħix iktar ferħan ġewwa fija kif jien.

 

  • Sikket/ikkwieta ġo fija d-deni/negattivita’ li nibla mill-enerġija li ddawarni, li tagħmel ħajti tħossha żgħira. Fakkarni li l-ħajja tiegħi hi bizzejjed, m’hemmx għalfejn nagħmel stqarrija tiegħi nnifsi kull darba, anke jekk dan hu l-messaġġ li l-ħin kollu nibilgħu mill-media u mis-soċjeta’. Tini l-grazzja li noqgħod fis-skiet u fil-paċi miegħi nnifsi.

 

  • Sikket/ikkwieta ġo fija l-anzjetajiet li nħoss, l-uġieħ tal-qalb, l-ħsibijiet u waqqafni milli dejjem ninsa l-prezent. Għini niftakar li l-ħsibijiet tal-jum huma diġa’ bizzejjed għalihom stess. Tini l-grazzja li niftakar li int issejjaħ ismi kuljum b’imħabba, li ismi hu miktub fis-sema u li jien allura ħieles biex ngħix bla anzjeta’.

 

  • Sikket/ikkwieta ġo fija l-bżonn li nkun l-ħin kollu okkupat, li dejjem jrid jkolli x’nagħmel, dejjem nippjana għal għada, li nimla kull minuta b’xi attivita’; li nfittex distrazzjonijiet minflok il-kwiet. Serraħ ġo fija r-rabja sottili lejn dak li ma lħaqtx għamilt f’ħajti, l-falliment li nħoss għal dak li ma ppruvajtx jew ma spiċċajtx. Sikket/ikkwieta ġo fija d-dieqa li nħoss f’qalbi għal dan kollu u affarijiet oħra. Tħallix li nimtela bl-għira waqt li issa naċċetta l-limiti ta’ ħajti. Tini l-grazzja li naċċetta dak li ċ-ċirkustanzi u l-fallimenti ġabuli.

 

  • Sikket/ikkwieta ġo fija l-biża mid-dell tiegħi stess, il-biża li nħoss quddiem dak li hu b’saħħtu/ikbar minni u l-qawwiet tad-dlamijiet li b’mod inkonxju jhedduni. Tini l-kuraġġ li niffronta id-dlam fija kif ukoll id-dawl li hemm fija. Tini l-grazzja biex ma nibzax minn dak li hu kumplikat

 

  • Sikket/ikkwieta ġo fija l-biża li m’iniex maħbub, li jien mhux ta’ min jħobbni, li l-imħabba trid tkun akkwistata u li jien rrid nkun dejjem iktar dehen. Ikkwieta ġo fija s-suspett li dejjem qed nitlef xi ħaġa, li jien stramb, li jien barrani, li l-ħajja hi nġusta u li jien m’iniex rispettat għal dak li jien. Tini l-grazzja li nagħraf li jien iben/bint maħbub/a ta’ Alla…li mħabbtu m’għandix bżonn tiġi mixtrija/akkwistata.

 

  • Sikket/ikkwieta ġo fija l-biża falza minnek, d-devozzjoni mhux f’postha li nuri miegħek, il-bżonn li nistmak bħal xi dinjitarju mbiegħed..iktar milli ħabib tal-qalb. Tini l-grazzja li jkolli relazzjoni b’saħħtiha miegħek, waħda li fiha nista’ nargumenta, niġġieled, nitkellem waqt li ngħix dan kollu anke b’sens ta’ umorizmu u intimita’.

 

  • Sikket/ikkwieta ġo fija n-nuqqas ta’ maħfra li hemm fija, l-weġgħat li għadni nġorr fija mill-passat, it-tradimenti li soffrejt, in-negattivita’ u l-abbuzi li soffrejt. Ikkwieta ġo fija il-ħtija li nġorr fija mit-tradimenti tiegħi stess. Ikkwieta ġo fija dak kollu li hu ferut, mhux mitmum, dak kolli li jġibli dieqa u jagħmilni bniedem li ma naħfirx. Tini l-paċi li tiġi mill-maħfra.

 

  • Sikket/ikkwieta ġo fija d-dubji u l-anżjetajiet dwar l-eziztenza tiegħek, dwar kemm vera Inti tagħti kaz, u dwar il-fedelta’ tiegħek. Ikkwieta ġo fija x-xewqa li nħalli marka, li niżra siġra, li jkolli tarbija, li nikteb ktieb, li noħloq xi tip ta’ immortalita’ għalija. Tini l-grazzja li nafda, anke fid-dlam u fid-dubju, u li Inti jum wieħed għad tqajjimni.

 

  • Ikkwieta qalbi fuq kollox biex nagħraf li inti Alla, li inti ħlaqtni u ttini kull nifs li nieħu, l-istess kif inti żżomm l-univers kollu kull sekonda; li kulħadd, inkluz jien, hu l-iben l-maħbub tiegħek; li trid li ħajjitna tiffjorixxi, li tixtieq il-kuntentizza tagħna; li xejn ma jiġri barra minn imħabbtek u l-kura tiegħek, u li kollox u kulħadd hu fiz-zgur fl-idejn ġentili tiegħek…f’din id-dinja u fl-oħra.

 

Fr Ray Francalanza OSA  

Ottubru 2019

 

 

Scroll to Top