Ħal Tarxien

Kunvent San Nikola minn Tolentino, Triq il-Lampuka, Tarxien
+356 2182 8017
Augustinian Frairs Tarxien
Extend

L-Agostinjani f’Ħal Tarxien

Qabel il-bini tal-kunvent u l-knisja li naraw illum, kien hemm post li fih jingħata tagħlim siewi għaż-żgħażagħ. Dak kien il-għan li għalih ħadem ħafna l-fundatur tiegħu Dun Ġwann Mamo, qassis ħabrieki minn Bormla. Dun Ġwann nefaq gidu kollu biex jibni istitut fejn iz-zgħazagħ ta’ dawk l-inħawi jitgħallmu xi sengħa u ma jitilqux id-dmirijiet tagħhom religjuzi. Għalhekk fl-1910 bena kappella ckejkna semi-pubblika u ddedikaha lil San Alwiġi, protettur taz-zgħazagħ. Għal xi raġuni, wara ħidma bla waqfien matul 23 sena, l-awtoritajiet tal-knisja deherilhom li l-istitut ma baqax aktar adattat għall-għan li għalih kien twaqqaf u fis-sena 1933 l-opra ta’ Dun Ġwann kellha tieqaf. Mis-sena 1935, wara li ngħalqet l-iskola tal-lokal, bi ftehim ma’ Dun Ġwann, l-Istitut għadda f’idejn il-Gvern ta’ Malta u beda jservi bħala skola elementari.

Ftit ġranet qabel ma miet, Dun Ġwann wera x-xewqa tiegħu lill-Provinċjal Patri Lawrenz Agius OSA li jgħaddi l-istitut lill-Provinċja biex possibilment tkompli l-missjoni li beda hu. Din it-talba ġiet aċċettata. Bejn Settembru 1939 u 1945, matul it-Tieni Gwerra Dinjija, l-Oratorju S. Alwiġi beda jservi bħala ċentru ta’ l-Air Raid Precaution u wara li spiċċat il-gwerra, inbidel fi skola sekondarja tal-Gvern għall-bniet bl-isem ta’ St. Theresa Secondary School. Parti minn din l-iskola ġiet mibdula f’kappella pubblika u ftit kmamar għall-patrijiet għal xi żmien. Fl-1 ta’ Frar 1948 ġiet imbierka l-kappella ġdida, ddedikata lil San Nikola minn Tolentino. F’Ottubru 1953, il-Gvern ta ċ-ċwievet tal-iskola sekondarja lill-patrijiet.

Il-kunvent tal-Belt beda jinħass li kien żgħir wisq għall-ħtiġijiet ġodda tal-kulleġġ S. Wistin li kien hemm fih. Il-Provinċjal Patri Pawl M. Spiteri beda jaħseb biex jittrasferixxi il-Kulleġġ għal Ħal Tarxien. L-istess Provinċjal ta bidu wkoll għall-kunvent gdid fejn joqgħodu l-patrijiet kemm dawk li jgħallmu fil-kulleġġ kif ukoll dawk li kellhom jieħdu ħsieb il-kappella. Fil-bidu ta’ Ottubru 1954, l-istudenti tal-kulleġġ ġew trasferiti mill-Belt għal Ħal Tarxien. F’perjodu ta’ tnax-il sena, minn 1954 sa 1966, in-numru tal-istudenti tant kiber li reġgħet inħasset il-ħtieġa li jinsab spazju akbar. Fil-fatt, fit-18 ta’ April 1966, il-Kulleġġ Santu Wistin reġa’ kien trasferit għal Tal-Pietà.

Sentejn wara li l-Kulleġġ ġie transferit f’Ħal Tarxien, Patri Ġulju Bonnici OSA ried jiġbor iż-żgħażagħ li kienu jiġġerrew mat-toroq ta’ Raħal il-Ġdid u Ħal Tarxien u xtaq jagħtihom programm ġdid mibni fuq tlett pilastri – reliġjuz, edukattiv u rikrejattiv. Ġie magħżul motto speċjali ta’ Patri Ġuże Delia SJ, Pie ac Laete – tjubija u ferħ – li kellu jiġbor fih il-programm kollu li għalih twaqqaf l-Oratorju. Il-bidu uffiċjali sar fil-kappella ta’ San Nikola fit-8 ta’ Lulju 1956. Matul is-snin, l-Oratorju baqa’ jaqdi l-għan li għalih twaqqaf, bin-numru taż-żgħażagħ dejjem jikber. Maż-żmien kien meħtieġ lokal aktar spazjuż, tant li l-komunità Agostinjana tat aktar kmamar għal dak li kien meħtieġ.

Il-kappella ta’ San Nikola, għalkemm żgħira, baqgħet taqdi l-ħtiġijiet spiritwali tan-nies ta’ madwarha għal ħafna snin. Fit-23 ta’ April 1967 saret iċ-ċerimonja tat-tqegħid tal-ewwel ġebla mill-Provinċjal Patri Ugolin Gatt OSA, filwaqt li fit-18 ta’ April 1970, tbierket il-knisja l-ġdida. L-Arċisqof Mons. Mikiel Gonzi ikkonsagra din il-Knisja fl-10 ta’ Mejju 1975. Il-knisja reġgħet ġiet irrinovata fl-2005, fl-okkażjoni taċ-ċentinarju ta’ San Nikola ta’ Tolentino.

Għal xi żmien, il-bini li kien tbattal wara li l-Kulleġġ S. Wistin ma baqax jopera minn dan il-post inbidel f’youth hostel li kien jakkomoda madwar 50 persuna. Fl-1983, parti mill-youth hostel ġiet ċeduta biex isservi bħala dar għal dawk iż-żgħażagħ li, wara li joħorġu mill-istituti u mir-riformatorji, ma kellhomx dar fejn imorru. Din il-ħidma kellha titmexxa mil-Leġjun ta’ Marija, iżda, minħabba diversi fatturi, il-proġett ma rnexxiex.

B’deċiżjoni tal-Kunsill tal-Provinċja tat-12 ta’ Lulju 1983, ġie stabbilit li l-youth hostel jingħata lis-Sorijiet Ursolini ta’ Sant’Angela Merici għall-użu tagħhom u bħala dar għat-tfal, b’titlu ta’ commodatum. Dan il-ftehim intemm fl-2025, meta l-binja reġgħet għaddiet lura għall-użu sħiħ tal-Provinċja Agostinjana. Bħalissa qiegħed isir xogħol ta’ tisbiħ u adattament fl-istess binja bil-ħsieb li, fis-snin li ġejjin, din terġa’ ssir parti mill-Kulleġġ S. Wistin, billi fiha jkun hemm is-sezzjoni tal-Kindergarten.

Il-patrijiet Agostinjani li tul is-snin għexu f’din il-komunità baqgħu jagħtu s-sehem tagħhom fil-ħidma pastorali u fil-bżonnijiet spiritwali tal-knisja, kif ukoll f’diversi oqsma oħra, fosthom fit-tagħlim fl-Università u bil-preżenza tagħhom fl-iskejjel. F’Ġunju tal-2025 intemmet il-preżenza residenzjali tal-komunità Agostinjana f’dan il-post. Minn Lulju tal-istess sena, il-ħidma pastorali u l-kura spiritwali marbuta ma’ dan il-post komplew mill-patrijiet Agostinjani residenti fil-komunità tal-Pietà.

Scroll to Top