Il-qawmien mill-mewt ta’ Ġesu’ huwa punt ta’ referenza fil-proġetti kollha li nagħmlu

Ħadd il-Għid

Atti tal-Appostli 10:34.37-43; Salm 117, Kolossin 3:1-4; San Ġwann 20:1-9

Aqra’: F’dak iż-żmien, Pietru qabad jitkellem u qal: “Intom tafu b’dak li ġara mal-Lhudija kollha, ibda mill-Galilija, wara li Ġwanni kien xandar il-magħmudija; tafu kif Alla kkonsagra lil Ġesù ta’ Nazaret bl-Ispirtu s-Santu u bil-qawwa, u kif dan Ġesù għadda jagħmel il-ġid u jfejjaq lil dawk kollha li kienu maħkuma mix-xitan, għax Alla kien miegħu. U aħna xhud ta’ dak kollu li hu għamel fl-art tal-Lhudija u f’Ġerusalemm. Tawh il-mewt billi dendluh mal-għuda tas-salib; imma Alla qajmu mill-imwiet fit-tielet jum u għamel li hu jidher, mhux lil kulħadd, imma lix-xhieda li Alla għażel minn qabel, lilna, li miegħu kilna u xrobna wara l-qawmien tiegħu mill-imwiet. Lilna ordnalna biex inxandruh lill-poplu u nixhdu li dan hu dak li Alla għamlu mħallef tal-ħajjin u tal-mejtin. Il-profeti kollha jixhdu għalih u jgħidu li kull min jemmen fih jaqla’ l-maħfra tad-dnubiet bis-saħħa ta’ ismu”.

Riflessjoni: L-esperjenza ta’ San Pietru u ta’ l-appostli l-oħra li kellhom il-grazzja li “jieklu u jixorbu” ma’ Ġesu’ hija esperjenza unika u rrepetibli. Madanakollu biex tkun xhieda ta’ Kristu, mhux bilfors li tkun imxejt fiżikament ma’ Ġesu’ ta’ Nażaret fit-toroq tal-Palestina. San Pawl, li lanqas hu ma kien jaf lil Ġesu’ personalment - kien imsejjaħ biex ikun xhud ta’ dak li ra (Atti 26:16) u jirċievi l-missjoni mingħand il-Mulej: “Kif tajt xhieda għalija f’Ġerusalemm, hekk ukoll jeħtieġ li tagħti xhieda f’ Ruma” (Atti 23:11). Ix-xhieda mhix li nagħtu eżempju tajjeb. Dan bla dubju huwa bżonnjuż, imma x-xhieda hija xi ħaġa oħra. Din tista tingħata biss min xi ħadd li għadda mill-mewt għall-ħajja; xi ħadd li jista jikkonferma li l-ħajja tiegħu tbiddlet u ħadet sens meta kienet imdawwla mid-dawl ta’ l-Għid; xi ħadd li għamel l-esperjenza li l-fidi fi Kristu tagħti tifsira lill-mumenti ta’ ferħ u lill-mumenti ta’ dwejjaq, u d-ddawwal kull mument li jgħaddi minnu ikun x’ikun. Jekk qalbna hija miftuħa biex nifhmu l-Iskrittura, aħna nkun nistgħu naraw lill-Mulej.

Itlob: Faħħru lill-Mulej, għaliex hu tajjeb, għax għal dejjem it-tjieba tiegħu! Ħa jgħidu wlied Israel: “Għal dejjem it-tjieba tiegħu”.

Agħmel: Ħa nistaqsu lilna nfisna: Il-qawmien mill-mewt ta’ Ġesu’ huwa punt ta’ referenza fil-proġetti kollha li nagħmlu, meta mmorru nixtru, meta nbiegħu, meta niddjalogaw, meta niġu biex naqsmu l-wirt, meta nagħżlu li jkollna tarbija oħra...jew nemmnu li r-realtajiet ta’ din id-dinja m’għandhom xejn x’jaqsmu mal-Għid? Xi ħadd li jkun “ra” lill-Mulej ma jagħmel xejn iktar mingħajru.


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.