Il-Mulej qed jerfagħlna qlubna ‘l fuq lejn id-destinazzjoni aħħarija tagħna

It-Tieni Ħadd tar-Randan Sena C

Ġenesi 15:5-12.17-18; Salm 26; Filippin 3:17-4:1; San Luqa 9:28b-36

Aqra’: F’dak iż-żmien, Ġesù ħa miegħu lil Pietru, lil Ġwanni u lil Ġakbu, u tala’ fuq il-muntanja biex jitlob. U ġara li huwa u jitlob, id-dehra ta’ wiċċu tbiddlet u l-ilbiesi tiegħu saru ta’ bjuda li tgħammex. U kien hemm żewġt irġiel jitħaddtu miegħu, Mosè u Elija, li dehru fil-glorja, jitħaddtu fuq it-tmiem ta’ ħajtu li kellu jseħħ f’Ġerusalemm. Pietru u sħabu kienu mejtin bin-ngħas, imma baqgħu mqajmin sewwa, u raw il-glorja tiegħu u ż-żewġt irġiel li kienu miegħu. Xħin dawn it-tnejn kienu se jinfirdu minnu, Pietru qal lil Ġesù: “Mgħallem, kemm hu sew li aħna hawn! Ħa ntellgħu tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè, u waħda għal Elija”. Ma kienx jaf x’inhu jgħid. Waqt li kien qiegħed jgħid dan, ġiet sħaba u għattiethom u huma beżgħu kif daħlu fis-sħaba. U minn ġos-sħaba nstama’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-maħtur, lilu isimgħu!”. Malli nstama’ l-leħen Ġesù sab ruħu waħdu. Huma żammew is-skiet, u għal dawk il-jiem ma qalu xejn lil ħadd minn dak li kienu raw.

Riflessjoni: Fl-ewwel Ħadd tar-Randan smajna l-ġrajja tat-tentazzjonijiet ta’ Ġesu’ fid-deżert. Dan il-qari ried jippreparana għal dan iż-żmien tar-Randan, billi jfakkarna li jekk irridu ngawdu l-grazzja li jġib miegħu ir-Randan, irridu bl-umilta’ kollha naċċettaw li aħna vulnerabbli. Jekk ma noqogħdux attenti, nistgħu naqgħu għat-tentazzjonijiet li jkollna. Huwa ma Ġesu’ li nistgħu nirbħu t-tentazzjonijiet, u r-Randan iħarriġna biex nerġgħu inkunu ma’ Ġesu’. F’dan it-tieni Ħadd tar-Randan, il-Kelma ta’ Alla qed teħodna mid-deżert fejn iffaċċjajna r-realta’ tagħna, għal mument ta’ talb ma’ Ġesu’ fuq il-muntanja (il-post tal-laqgħa ma’ Alla), fejn Ġesu’ idewwaqna l-glorja, li fiha flimkien miegħu msejħin biex naslu. Mela nafu minn fejn irridu nitilqu u nafu fejn aħna destinati li naslu.

Bilkemm bdejna naħsbu fl-esperjenza tad-deżert li l-Mulej permezz tal-Knisja tiegħu, ma jiġrix isemmilna l-muntanja tas-sebħ, tal-glorja, tar-rebħa. Li ma mmorrux nagħjew, nikkonfondu, naqtgħu qalbna. Il-Mulej qed jerfagħlna qlubna ‘l fuq lejn id-destinazzjoni aħħarija tagħna, lejn is-sbuħija li qed tistenniena, biex ixxennaqna, jinkuraġġina, jagħti sens lit-tbatija  preżenti tagħna.

Itlob: Isma’, Mulej, leħen l-għajta tiegħi, ħenn għalija u weġibni. “Ejja”, għedt f’qalbi, “fittex ’il wiċċu!”. Jien wiċċek infittex, Mulej. La taħbix wiċċek minni, la twarrabx bl-herra l-qaddej tiegħek. Inti l-għajnuna tiegħi, tħallinix u titlaqnix, Alla tas-salvazzjoni tiegħi. Nemmen li għad nara t-tjieba tal-Mulej f’art il-ħajjin. Ittama fil-Mulej, żomm sħiħ u qawwi qalbek, ittama fil-Mulej. (Salm 26)

Agħmel: F’dan ir-Randan, inti forsi qed tgħid: “Kemm nixtieq nitlob iżjed...kemm nixtieq inħobb lil kulħadd..kemm nixtieq inkun qaddis”. Ibda itlob iżjed, ibda ħobb lil kulħadd, ibda kun qaddis billi tisma lil Ġesu’ u tagħmel dak  jgħidlek. “X’ħin instema’ l-leħen Ġesu’ kien jinsab waħdu”...waħdu miegħek biex inti ma tkunx waħdek miexi t-triq ta’ konverżjoni li tixtieq tagħmel matul dan ir-Randan.


© 2022 agostinjani.org. All Rights Reserved.