Għinni, Mulej, ngħix daż-żmien qaddis li ġej f’riflessjoni matura dwar il-ġenerożita’ tiegħek, il-ħtieġa ta’ bidla radikali.

L-Ewwel Ħadd Tar-Randan

Dewteronomju 26:4-10; Salm 90; Rumani  10:8-13; San Luqa 4:1-13

Aqra’: F’dak iż-żmien, Ġesù, mimli bl-Ispirtu s-Santu, raġa’ lura mill-Ġordan u l-Ispirtu ħadu fid-deżert. Hemm għal erbgħin jum Ġesù kien imġarrab mix-Xitan. Matul dawk il-jiem ma kiel xejn; u mbagħad, meta għaddew dawk il-jiem, ħadu l-ġuħ. U x-Xitan qallu: “Jekk inti Bin Alla, għid lil din il-ġebla ssir ħobż”. Wieġbu Ġesù: “Hemm miktub: Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix”. Imbagħad ix-Xitan ħadu fl-għoli u wrieh is-saltniet tad-dinja kollha f’daqqa. Qallu x-Xitan: “Nagħtik is-setgħa fuq dawn kollha, bil-glorja tagħhom ukoll għax hija ngħatat lili, u jiena nagħtiha lil min irrid. Jekk tinxteħet quddiemi tagħtini qima, kollha tiegħek tkun”. Ġesù wieġbu u qallu: “Hemm miktub: Lill-Mulej, Alla tiegħek, tadura, u lilu biss taqdi”. Imbagħad ix-Xitan ħadu Ġerusalemm, qiegħdu fuq il-quċċata tat-tempju, u qallu: “Jekk inti Bin Alla, inxteħet minn hawn għal isfel. Għax hemm miktub: “Lill-anġli tiegħu jordnalhom biex jieħdu ħsiebek sewwa”, u li: “fuq idejhom jerfgħuk, ħalli ma taħbatx riġlek ma’ xi ġebla”. Wieġeb Ġesù u qallu: “Jingħad: Iġġarrabx lill-Mulej Alla tiegħek”. Imbagħad ix-Xitan, meta temm dan it-tiġrib kollu, telaq minn ħdejh sa ma wasal il-waqt.

Riflessjoni: Ir-rakkont ta’ dawn it-tliet tentazzjonijiet huwa sintesi simboliku tal-ġlieda ta’ Ġesu’ mal-ħażin, ġlieda li huwa kellu f’kull mument ta’ ħajtu. Dawn it-tentazzjonijiet ta’ Ġesu għalkemm jidhru li huma differenti mit-tentazzjonijiet li jkollna aħna, jgħallmuna fuq in-natura tat-tentazzjonijiet tagħna biex aħna nistgħu noqogħdu attenti għalihom:

L-ewwelnett ix-xitan jittantana u jattakka il-punti dgħajfa tagħna. It-tentazzjoni tkun tailor-made għalina.

It-tieninett ix-xitan jittajmja tajjeb il-waqt li għandu jittanta. Filkaż ta’ Ġesu’ huwa kien jaf li dak il-ħin, Ġesu’ ma tantx kien entużjażmat li jobdi lil Missieru, la darba fiżikament kien dgħajjef. L-istess lilna jsibna f’mumenti meta nkunu l-iktar dgħajfa.

Dawn it-tliet tentazzjonijiet juru l-qalba ta’ kull tentazzjoni li jkollna aħna wkoll: ix-xewqa li npoġġu lil Alla fil-ġenb, li nqisuh sekondarju jew skadut, biex nistrieħu biss fuq il-qawwa tagħna, u npoġġu d-dinja f’postha mingħajr Alla. Il-vanġelu tal-lum huwa daħla xierqa għaż-żmien tar-Randan. Jurina kif għandna nġarrbu l-esperjenza ta’ Ġesu’ kontra l-Ħażin. Jurina wkoll kif inġarrbu l-esperjenza ta’ Ġesu’ li rebaħ il-Ħażin. Maqgħudin ma’ Kristu fit-tiġrib tar-Randan, naqsmu ma’ Kristu wkoll ir-rebħa tal-Għid.

Itlob: Għinni, Mulej, ngħix daż-żmien qaddis li ġej f’riflessjoni matura dwar il-ġenerożita’ tiegħek, il-ħtieġa ta’ bidla radikali.

Agħmel:  F’dan iż-żmien tar-Randan ħa nisimgħu b’aktar ħeġġa l-Kelma ta’ Alla, ngħarfu ħtijietna u nindmu minnhom bl-akbar sinċerita’, nagħmlu atti ta’ċaħda u ta’ penitenza, inżidu fit-talb u fil-għaqda ma’ Alla, ngħinu b’aktar ġenerożita’lil kull min jinsab fil-bżonn.

 

 

 

 

 


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.