Ġesu’ ma qalilniex nitgħallmu minnu kif nagħmlu l-mirakli. Imma qalilna: “Tgħallmu minni għax jien ta’ qalb ħelwa u umli” (Mt 11, 29)

It-Tmien Ħadd tas-Sena C

Bin Sirak 27:5-8; Salm 91; 1 Korintin 15:54-58; San Luqa 6:39-45

Aqra’: F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli din il-parabbola: “Jista’ agħma jmexxi agħma ieħor? Mhux it-tnejn jaqgħu fil-ħofra? Id-dixxiplu mhuwiex aqwa mill-imgħallem tiegħu; imma kull min itemm it-taħriġ tiegħu jsir bħall-imgħallem tiegħu. Għax tara t-tibna f’għajn ħuk, u ma tarax it-travu li għandek f’għajnek int? Kif tista’ tgħidlu lil ħuk: ‘Ħi, ejja nneħħilek it-tibna li għandek f’għajnek’, meta m’intix tara t-travu li għandek f’għajnek int? Ja wiċċ b’ieħor! Neħħi l-ewwel it-travu minn għajnek int, ħalli mbagħad tara sewwa kif tneħħi t-tibna minn għajn ħuk. Ma hemmx siġra tajba li tagħmel frott ħażin, kif anqas ma hemm siġra ħażina li tagħmel frott tajjeb. Kull siġra mill-frott tagħha tingħaraf. Ħadd ma jiġbor it-tin mix-xewk, anqas l-għeneb mill-għolliq. Il-bniedem tajjeb mit-teżor tajjeb ta’ qalbu joħroġ it-tajjeb, u l-bniedem ħażin mit-teżor ħażin tiegħu joħroġ il-ħażin, għax mill-abbundanza tal-qalb jitkellem il-fomm”.

Riflessjoni: Kif ser niddistingwu lil min nistgħu nafdaw u lil min m’għandniex nafdaw? Kif ser ngħarfu dawk lil dawk li huma għomja jew għandhom travu quddiem għajnejhom?  Is-silta tal-Evanġelu tagħtina l-kriterju kif għanda niġġudikaw:  Ma hemmx siġra tajba li tagħmel frott ħażin, kif anqas ma hemm siġra ħażina li tagħmel frott tajjeb. Kull siġra mill-frott tagħha tingħaraf. Fil-vanġelu ta’ San Luqa l-“frott” huwa l-messaġġ li n-nisrani jwassal. Il-messaġġ jista jkun tajjeb jew ħażin. Ġesu’ jistedinna biex nevalwaw lil dak li jkun skont kliemu: “Mill-fomm joħroġ dak li jfur mill-qalb”. Dak li jgħid għandu jiġi ppruvat mill-Vanġelu. Imbagħad inkunu nistgħu nevalwaw  jekk dak li qed jgħidilna huwiex ikel li jsaħħaħna jew frott velenuż. Qalb tajba titkellem kliem tajjeb u mimli ħniena, waqt li qalb ħażina titkellem kliem li jniggeż jew iweġġa’. Ġesu’ ma qalilniex nitgħallmu minnu kif nagħmlu l-mirakli. Imma qalilna: “Tgħallmu minni għax jien ta’ qalb ħelwa u umli” (Mt 11, 29).

Itlob: Bis-Salm 91: “Il-bniedem ġust bħall-palma jħaddar, bħal ċedru tal-Libanu jikber. Imħawlin f’dar il-Mulej, iħaddru fil-btieħi tat-tempju ta’ Alla tagħna”.

Agħmel: “Tfaħħarx bniedem qabel jitkellem, għax hekk jiġu ppruvati n-nies” (Bin Sirak 27:8)

 

 

 

 

 


© 2022 agostinjani.org. All Rights Reserved.