“Int Mulej tgħallimni t-triq tal-ħajja; hemm il-milja tal-ferħ quddiemek, hemm il-għaxqa għal dejjem f’lemintek” (Salm 16,11)

Is-Sitt Ħadd tas-Sena C

Ġer 17:5-8; Salm 1:1-2,3,4,6; 1 Kor 15:12,16-20; Lq 6:17,20-26

Aqra’: F’dak iż-żmien, Ġesù niżel mat-Tnax u waqaf f’wita, flimkien ma’ kotra kbira ta’ dixxipli u folla kbira ta’ nies minn kull naħa tal-Lhudija u Ġerusalemm u mix-xtajta ta’ Tir u Sidon. Ġesù rafa’ għajnejh lejn id-dixxipli tiegħu u qal: “Henjin intom il-foqra, għax tagħkom hija s-Saltna ta’ Alla. Henjin intom li għalissa bil-ġuħ, għax għad tkunu mxebbgħin. Henjin intom li għalissa tibku, għax għad tithennew. Henjin intom meta minħabba Bin il-bniedem in-nies jobogħdukom, jaqtgħukom minn magħhom, jgħajrukom u jwarrbu isimkom bħallikieku kien xi ħaġa ħażina. Dakinhar li jiġrilkom hekk, ifirħu u aqbżu bil-ferħ, għax araw, ħlaskom kbir ikun fis-sema. L-istess għamlu missirijiethom lill-profeti. Imma ħażin għalikom intom l-għonja, għax il-faraġ tagħkom ħadtuh. Ħażin għalikom intom li għalissa mxebbgħin, għax għad tkunu bil-ġuħ. Ħażin għalikom intom li għalissa tidħku, għax għad tnewħu u tibku. Ħażin għalikom meta kulħadd isemmikom fil-ġid. Għax l-istess għamlu missirijiethom lill-profeti foloz!”.

Riflessjoni: Ġesu’ jgħallem li l-erba’ sitwazzjonijiet ta’ faqar, ġuħ, biki u stmerrija minħabba fiH, jistgħu isiru għejun ta’ hena u barka. Dan għaliex dawn is-sitwazzjonijiet jwasslu lill-persuni li jkunu għaddejjin minnhom, biex jiddependu fuq Alla, u jitfgħu l-attenzjoni tagħhom kompletament fuqU. Mill-banda l-oħra, Ġesu’  iwissi lill-persuni li jagħżlu l-ġid, il-gula, l-għejra, il-mibegħda lejn l-oħrajn u l-gost ta’ li jkollhom fama tajba, li dawn iwassluhom għar-rovina. Għax meta dawn ta’ l-aħħar ifittxu kif akkost ta’ kollox jkollhom ħafna ġid, faċli li jikkunsidraw lilhom nfushom u l-ġid tagħhom bħala l-għajn tal-hena tagħhom, u jwarrbu lil Alla. Ġesu’ jridna nifhmu, bil-qawwa kollha, li Alla biss hu l-uniku  garanzija tal-ferħ u s-sigurta’ tagħna.

Ġesu’ mhux qiegħed ipoġġi xi raġġiera fuq ras il-faqar, il-persekuzzjoni, it-tbatija, il-biki jew l-isfortuna. Huwa qiegħed joffri tama u serħan lil kull min qiegħed f’dawn iċ-ċirkustanzi. Huwa qiegħed jurina biex ma npoġġux it-tama tagħna fil-ġid ta’ din id-dinja, hu x’inhu. Qiegħed jurina li dan il-ġid, jekk mhux użat tajjeb, jista jkun ta’ tfixkil fil-kisba ta’ ħwejjeġ akbar, fosthom l-hena ta’ dejjem.

Itlob: “Int Mulej tgħallimni t-triq tal-ħajja; hemm il-milja tal-ferħ quddiemek, hemm il-għaxqa għal dejjem f’lemintek” (Salm 16,11)

Agħmel: Ħares lejn għemilek. Tista tgħid li miexi fit-triq li qed jipproponilek Ġesu’?


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.