Nibdew il-ħidma tagħna tax-xandir tal-Aħbar it-tajba bħal Ġesu’ minn pajjiżna stess

Ir-Raba’ Ħadd mtul is-Sena C

Ġeremija 1:4-5.17-19; Salm 70; 1 Korintin 12:31-13:13; San Luqa 4:21-30

Aqra’: F’dak iż-żmien Ġesù qal lin-nies fis-sinagoga: “Din il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħu”. U lkoll laqgħu kliemu u stagħġbu għall-kliem mimli ħlewwa li kien ħiereġ minn fommu u bdew jgħidu: “Dan mhuwiex bin Ġużeppi?”. Iżda hu qalilhom: “Żgur li se tgħidu għalija dan il-proverbju: ‘Tabib, fejjaq lilek innifsek. Dak kollu li smajna li ġara f’Kafarnahum agħmlu hawn f’pajjiżek ukoll!’”. U żied jgħidilhom: “Tassew, ngħidilkom, ebda profeta ma jilqgħuh tajjeb f’pajjiżu. Għax, ngħidilkom is-sewwa, kien hemm bosta romol f’Iżrael fi żmien Elija meta s-sema baqa’ tliet snin u sitt xhur magħluq u waqa’ ġuħ kbir fil-pajjiż kollu; madankollu għand ħadd minnhom ma ntbagħat Elija, imma għand waħda armla minn Sarefta ta’ Sidon. U kien hemm bosta lebbrużi f’Iżrael fi żmien il-profeta Eliżew, imma ħadd minnhom ma ġie mfejjaq ħlief Nagħman tas-Sirja”. Meta semgħu dan fis-sinagoga kulħadd imtela bil-korla; qamu, u ħarġuh ’il barra mill-belt, ħaduh fuq xifer ta’ rdum tal-għolja li fuqha kienet mibnija l-belt tagħhom, u riedu jixħtuh minn hemm fuq għal isfel. Iżda hu għadda minn ġo nofshom u baqa’ sejjer.

Riflessjoni:. Illum il-Kelma ta’ Alla qed tfakkarna li aħna rridu nkunu profeti fi żminijietna. Ma nistgħux noffru lill-bniedem rigal isbaħ mill-Aħbar it-Tajba.

Imma din l-ħidma irridu nkunu lesti li nħaddmuha wkoll meta nsibu oppożizzjoni, tfixkil u persekuzzjoni.  Darba xi ħadd qal: “Min irid jiżfen ma jridx joqgħod jibża li se jirfes xi sieq”.  Hija realta’  ta’ min iwassal il-Kelma ta’ Alla li jkun qiegħed jistieden mhux li jibagħtulu xi bukkett fjuri, imma xi kritika, ħars bl-ikrah, iwaqqfuh milli jieħu xi promotion li jkun ħaqqu, insomma xi għamla ta’ persekuzzjoni. Hekk gralu Ġesu’ f’Nazaret.

Il-messaġġ li jgħaddilna l-Evanġelista San Luqa bl-aħħar frażi: “Hu għadda minn ġo nofshom u baqa’ sejjer”, hu messaġġ ta’ konsolazzjoni u tama lilna l-insara kull meta nħabbtu wiċċna ma’ opposizzjoni, nuqqas ta’ ftehim u ta’ qbil, u kultant anke mibegħda minħabba li nkunu qegħdin nxandru l-Evanġelju. Ir-riskju tan-nisrani meta jgħaddi minn dan kollu huwa li jinsa li dak li qed jgħaddi minnu, huwa repetizzjoni ta’ dak li għaddew minnu qablu l-profeti u Ġesu’. L-Evanġelista jassigura lilna l-insara li mħarsin minn Alla, aħna wkoll ngħaddu minn qalb il-persekuzzjoni u nkomplu bil-ħeġġa nimxu lejn l-għan tagħna.

Itlob: Fommi jxandar il-ġustizzja tiegħek. Fik, Mulej jien nistkenn; ma jkolli qatt għax ninfixel. Għall-ġustizzja tiegħek salvani u ħarisni; agħtini widen u fittex eħlisni.

Agħmel: Nibdew il-ħidma tagħna tax-xandir tal-Aħbar it-tajba bħal Ġesu’: minn pajjiżna stess, mir-raħal tagħna, minn fejn sibna ruħna dalgħodu meta qommna.


© 2022 agostinjani.org. All Rights Reserved.