Aqbeż bil-ferħ, għanni, int li tgħammar f’ Sijon, għax kbir hu f’nofsok il-Qaddis ta’ Israel.

It-Tielet Ħadd ta’ l-Avvent. Sena Liturġika C

Sofonija 3:14-18a; Is 12:2-6; Filippin 4:4-7; San Luqa 3:10-18

Aqra’: F’dak iż-żmien, in-nies kienu jistaqsu lil Ġwanni u jgħidulu: “Mela x’għandna nagħmlu?”. U huwa kien iweġibhom: “Min għandu żewġ ilbiesi, jaqsam ma’ min ma għandu xejn, u min għandu x’jiekol jagħmel l-istess”. Resqu wkoll xi pubblikani biex jitgħammdu u qalulu: “Mgħallem, x’għandna nagħmlu aħna?”. U huwa weġibhom: “Tissikkaw lil ħadd biex jagħtikom taxxi iżjed milli jmisskom tieħdu”. Staqsewh ukoll xi suldati u qalulu: “U aħna, x’għandna nagħmlu?”. U huwa weġibhom: “Tisirqu lil ħadd bit-theddid jew bil-qerq tagħkom, u kkuntentaw ruħkom bil-paga li għandkom”.

Riflessjoni: Il-Ħadd li għadda Ġwanni l-Battista stedinna biex naraw kif inhi r-relazzjoni tagħna ma’ Alla jekk irridu nħejju ruħna għall-miġja tal-Messija. Huwa ħeġġiġna nbiddlu ħsibijietna u għemilna biex niksbu l-maħfra tad-dnubiet (Lq 1:3). Illum huwa jiffoka fuq ir-relazzjoni li għandu jkollna mal-proxxmu. Imħabba, solidarjeta’, qsim tal-ġid ma’ l-oħrajn, tneħħija ta’ inġustizzji u abbużi mill-poter huma l-kliem prinċipali tad-diskors tiegħu. Wieħed ma jistax jgħid li l-Battista ma kinx ċar fi kliemu. It-talb u d-devozzjonijiet huma tajbin, sakemm mhux użati biex naħarbu mid-dmir tagħna li naqsmu l-ġid ma’ min hu fil-bżonn. Aħna ninġabru biex nitolbu, nkantaw, imma meta nintalbu li naqsmu mal-oħrajn il-ġid li għandna ...l-entużjażmu reliġjuż ġili malajr jgħib. Hemm ħafna ferħ li mhux nisrani. Ġwanni l-Battista juri t-triq li timla l-qalb b’ferħ veru: li nħejju għall-miġja ta’ Kristu billi naqsmu l-ġid mal-fqar u billi niċħdu kull forma ta’ abbuż ta’ poter u kull nuqqas ta’ sinċerita’ ma’ l-aħwa. Il-ferħ nisrani huwa ferħ li jaħseb f’ħaddieħor.

Itlob: Għannu lill-Mulej għax għamel ħwejjeġ kbar; ħa jkun dan magħruf mal-art kollha. Aqbeż bil-ferħ, għanni, int li tgħammar f’ Sijon, għax kbir hu f’nofsok il-Qaddis ta’ Israel.

Agħmel: Inħabirku biex ikollna l-ferħ li jġib l-Ispirtu ta’ Kristu. Naraw x’nistgħu nagħmlu biex niksbu u nkabbru l-ferħ nisrani kull fejn nkunu.


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.