Mulej, żidli dejjem id-doża ta’ mħabbti.

It-31 Ħadd matul is-Sena Liturġika B

Dewteronomju 6:2-6; Salm 17; Lhud 7:23-28; San Mark 12:28-34

Aqra’: F’dak iż-żmien, wieħed mill-kittieba resaq fuq Ġesù u staqsieh: “Liema wieħed fost il-kmandamenti kollha huwa l-ewwel?”. Ġesù wieġbu: “L-ewwel wieħed huwa dan: Isma’ Iżrael! Il-Mulej, Alla tagħna, Mulej wieħed hu, u int għandek tħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, b’moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha. U t-tieni hu dan: Ħobb lil għajrek bħalek innifsek. Ma hemmx kmandament ieħor akbar minn dawn”. Qallu l-kittieb: “Sewwa qiegħed tgħid, Mgħallem; għandek raġun tgħid li wieħed hemm, u li ma hemmx ieħor ħliefu. Iva, li tħobb lilu b’qalbek kollha, b’moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha, u li tħobb lil għajrek bħalek innifsek, huwa aqwa minn kull sagrifiċċju tal-ħruq u mis-sagrifiċċji kollha”. Ġesù, meta rah kemm kien wieġeb bil-għaqal, qallu: “M’intix ’il bogħod mis-Saltna ta’ Alla”. U ħadd ma kellu l-ħila jistaqsih iżjed.

Riflessjoni: It-tweġiba li Ġesu’ jagħti lill-kittieb hija t-talba l-iktar mitluba mill-poplu ta’ Iżrael: “Isma’ Iżrael! Il-Mulej, Alla tagħna, Mulej wieħed hu, u int għandek tħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u bil-qawwa tiegħek kollha”. (Ara Dewteronomju 6:4). Ġesu’ ma’ dan iżid li trid tħobb lil Alla “b’moħħok kollu” ukoll. Dan għaliex min mhux kapaċi li jagħti raġuni għall-fidi tiegħu, ma jistax jgħid li jħobb lil Alla. Imbagħad Ġesu’ jżid it-tieni kmandament: “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek” (meħud mill-Ktieb tal-Levitiku 19:18). Jista jkun hemm periklu li xi ħadd iħobb bis-serjeta’ lill-bniedem mingħajr ma jħobb lil Alla? Din il-possibilta’ tant ma teżistix li l-Bibbja lanqas biss tikkonsidrha. Jekk wieħed iħobb lill-bniedem, żgur li jkun imqanqal mill-Ispirtu biex jagħmel hekk, għaliex l-imħabba vera tiġi minn Alla (Ara 1 San Ġwann 4:7). Jista jkun hemm xi ħadd li jħobb lil Alla u ma jħobbx lill-għajru? Lanqas din ma hija possibli, għax iż-żewġ kmandamenti ma jistgħux ikunu separati, għaliex huma l-manifestazzjoni ta’ mħabba waħda (Ara Ġwanni 4:20). U għajrek minn hu? Ġesu’ jagħmilha ċara: Għajrek huwa kull min jinsab fil-bżonn, kemm jekk hu ħabib u kemm jekk hu għadu (Ara Mattew 5:43-48).  

Itlob: Int, Mulej, il-Mulej Alla tiegħi, u ħuti, bħali, xbihat ħajjin tiegħek. Imlieni b’kull rispett lejk u lejhom. Żidli dejjem id-doża ta’ mħabbti.

Agħmel: Aħseb xi jfisser fil-prattika li tobdi dawn iż-żewġ kmandamenti. X’inhuma l-implikazzjonijiet? Kif tista’ tħobb lil Alla kompletament? Kif tista tħobb lil għajrek bħalek innifsek?


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.