Mulej, ixħet fuqna ħarsa ta’ mħabba...fejjaq il-qalb tagħna

Is-28 Ħadd matul is-Sena Liturġika B

Għerf 7:7-11; Salm 89; Lhud 4:12-13; San Mark 10:17-30

Aqra’: F’dak iż-żmien, Ġesù kien se jaqbad it-triq lejn Ġerusalemm, meta mar fuqu wieħed jgħaġġel, niżel għarkupptejh quddiemu u qallu: “Mgħallem tajjeb, x’għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem?”. Qallu Ġesù: “Għaliex qiegħed issejjaħli tajjeb? Ħadd mhu tajjeb ħlief Alla biss. Inti l-kmandamenti tafhom: la toqtolx, la tiżnix, la tisraqx, la tixhidx fil-falz, la tiħux bil-qerq dak li hu ta’ ħaddieħor; weġġaħ lil missierek u ’l ommok”. U dak wieġbu u qallu: “Mgħallem, jiena dan kollu ili nħarsu minn żgħożiti”. Imbagħad Ġesù xeħet fuqu ħarsa ta’ mħabba u qallu: “Ħaġa waħda tonqsok: mur bigħ li għandek, agħtih lill-fqar, u jkollok teżor fis-sema; imbagħad ejja u imxi warajja”. Imma għal dan il-kliem ir-raġel qarras wiċċu u telaq b’qalbu sewda, għaliex kellu bosta ġid. Ġesù mbagħad ħares ħarsa madwaru u qal lid-dixxipli tiegħu: “Kemm hi iebsa għall-għonja li jidħlu fis-Saltna ta’ Alla!”. Id-dixxipli stagħġbu għal din il-kelma, imma Ġesù raġa’ qalilhom: “Kemm hi iebsa, uliedi, li wieħed jidħol fis-Saltna ta’ Alla! Eħfef li ġemel jgħaddi minn għajn ta’ labra milli wieħed għani jidħol fis-Saltna ta’ Alla”. Huma stagħġbu wisq aktar, u bdew jgħidu wieħed lill-ieħor: “Mela min jista’ jsalva?”. Ġesù ħares lejhom u qalilhom: “Għall-bnedmin dan ma jistax ikun, imma għal Alla iva; għax għal Alla kollox jista’ jkun”.

Riflessjoni: Nhar it-Tnejn li għadda kienet il-festa ta’ San Franġisk. San Franġisk darba qal hekk: “Ftakar li meta titlaq minn din id-dinja ma tieħu xejn miegħek minn dak li tkun irċevejt, imma biss minn dak li tkun tajt”. Dan il-kliem ta’ San Franġisk jiġbor il-messaġġ kollu tal-Kelma ta’ Alla tal-lum.  Kemm hu attwali dan il-messaġġ għall-bniedem tal-lum li donnu japprezza kull ħaġa li jmiss magħha – il-professjoni, tiftix xjentifiku, ħbiberiji, familja u kultant anke r-reliġjon, daqskemm jipproduċu ġid u flus.

Il-proposta ta’ Ġesu’ li jagħmilha b’imħabba lil dan iż-żgħażugħ nistgħu npoġġuha f’dan il-kliem: “Neħħi l-ġid kollu li għandek, tarmihx, imma agħtih lil dawk li għandhom bżonn. Inti tibqa’ fqir u Alla jkun it-teżor tiegħek”. Din il-proposta li Ġesu’ jagħmel lil kull dixxiplu titlob biex dak li jkun ma jkomplix juża b’mod egoistiku mhux biss il-flus imma l-ġid kollu tiegħu: l-intelliġenza, is-saħħa, il-ħin tiegħu, il-kapaċitajiet kollha li rċieva mingħand Alla. Wieħed ma jistax ikun dixxiplu ta’ Ġesu’ jekk jorbot qalbu mal-ġid li għandu, u ma jkunx lest li jaqsam dak li għandu ma’ min hu fil-bżonn.

Itlob: Mulej, ixħet fuqna ħarsa ta’ mħabba. Fejjaq il-qalb tagħna li m’għandhiex xaba’. Inroddulek ħajr tal-ħajja, il-ferħ, u s-saħħa li tajtna bis-saħħa tal-flus. Nitolbuk maħfra ta kemm ħsara u deni għamilna bihom lilna stess jew lill-oħrajn.

Agħmel: Il-ferħ jinbet biss f’qalb ħielsa u mimlija b’rabtiet li jkattru l-ħajja! Hu għalhekk meħtieġ li tkun lest li taqsam kollox biex ikollok kollox: “Tassew ngħidilkom, li fost dawk kollha li minħabba fija u l-Evanġelju jħallu lil darhom jew lil ħuthom jew lil ommhom jew lil missierhom jew lil uliedhom jew l-għelieqi tagħhom, ma hemm ħadd fosthom li minn issa, f’din id-dinja stess, ma jirċevix, għal mitt darba iktar, djar, aħwa, subien u bniet, ommijiet, ulied u għelieqi flimkien ma’ persekuzzjonijiet, u l-ħajja ta’ dejjem fiż-żmien li ġej”.


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.