Agħtini, O Mulej, qalb li tisma' kelmtek!

It-23 Ħadd matul is-Sena Liturġika B

Isaija 35:4-7a; Salm 145; San Ġakbu 2:1-5; San Mark 7:31-37

Aqra’: Għidu lil dawk b’qalbhom imbeżżgħa: “Agħmlu l-ħila, la tibżgħux! Araw, Alla tagħkom ġej jitħallas; il-ħlas ta’ Alla wasal; hu stess ġej biex isalvakom”. Imbagħad jinfetħu għajnejn l-għomja, jinfetħu widnejn it-torox. Imbagħad iz-zopp jaqbeż bħal għażżiela u lsien l-imbikkma jinħall bil-ferħ. Iva, igelgel l-ilma fid-deżert, u l-widien fix-xagħri.L-art maħruqa tinbidel f’għadira, u l-art niexfa f’għejun ta’ ilma ġieri.

Riflessjoni: Fit-Testment l-Antik, l-iktar fil-Ktieb tad-Dewteronomju u fuq l-ilsien tal-Profeti insibu dejjem din l-istedina: “ Isma’, O Iżrael” (Dewteronomju 6:4); “O bniedem, qum fuq riġlejk, ħa nkellmek” (Eżekjel 2:4). Li ma tismax dan il-leħen huwa dnub kbir. Il-Profeta Żakkarija jakkuża lill-poplu tiegħu b’dan il-kliem: “Iżda huma ma ridux jagħtu widen, tawni daharhom, saddew widnejhom li ma jmorrux jisimgħu, u webbsu qalbhom daqs id-djamant biex ma jobdux il-liġi u l-kliem tal-Mulej ta’ l-eżerċti li kien bagħat bl-ispirtu tiegħu permezz tal-profeti ta’ l-imgħoddi” (Żakkarija 7:11-12). Il-Profeta Ġeremija jsejjaħ lil Iżrael “poplu iblah u bla moħħ! Għandhom għajnejn u ma jarawx; għandhom widnejn u ma jisimgħux” (Ġeremija 5:21). Il-Mulej jistenna mill-poplu tiegħu li jobdi u jgħix skont il-Kelma tiegħu, imma jiddiżappunta ruħu: “O bniedem, int qiegħed ma’ nies ta’ rashom iebsa; għandom l-għajnejn biex jaraw, imma ma jarawx; għandhom il-widnejn biex jisimgħu imma ma jisimgħux; għax huma nies ta’ rashom iebsa”. Dan il-poplu ta’ Iżrael li ma jridtx jisma’ jista’ jkun kull wieħed u waħda minna. In-nuqqas ta’ smiegħ fil-Bibbja huwa sinjal taċ-ċaħda tal-Kelma ta’ Alla. Juri il-kundizzjoni ta’ persuna miġbud lejn ilħna oħrajn li mhumiex il-leħen ta’ Alla, li jfixkluh. Din hija kundizzjoni serja, imma l-Mulej wiegħed li jfejjaqha: “Għidu lil dawk b’qalbhom imbeżżgħa: ‘Agħmlu l-ħila, la tibżgħux! Araw, Alla tagħkom ġej jitħallas; il-ħlas ta’ Alla wasal; hu stess ġej biex isalvakom’. Imbagħad jinfetħu għajnejn l-għomja, jinfetħu widnejn it-torox.” (Isaija35:4-5)

Itlob: Agħtini, O Mulej, qalb li tisma' kelmtek!

Agħmel: “Effata!” (San Mark 7:34) Ħa niftħu widnejna biex nagħtu attenzjoni fejn hemm bżonn, ngħarfu il-karbiet ta’ ħutna mweġġa’, u nisimgħu l-messaġġi ta’ kuraġġ li jagħtina l-Mulej. Ħa nħollu l-irbit ta’ lsienna biex ngħarfu nfaħħru lill-Mulej, infarrġu f’waqtu u nikkomunikaw biex nagħtu servizz.


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.